Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern Soċjalista jrid iqarraq dwar ix-xogħlijiet fit-toroq f’San Pawl il-Baħar

Il-Gvern Soċjalista qed jagħti l-impressjoni li se jagħmel tajjeb għat-toroq li se jingħatalhom il-wiċċ bit-tarmak f’San Pawl il-Baħar meta l-verità hi li se jkun il-Kunsill Lokali li jiffinanzja dawn it-toroq.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qiegħed jqarraq meta fi stqarrija li nħarġet minnu stess is-Sibt, minflok qal il-fatti kif seħħew f’San Pawl il-Baħar, għażel li jieħu l-kreddtu hu u Infrastructure Malta bla ma’ qal il-verità. Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina waqt konferenza tal-aħbarijiet f’San Pawl il-Baħar. Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u Toni Bezzina qalu li l-Ministru Ian Borg b’mod intenzjonat naqas li jagħmel referenza għall-korrispondenza uffiċċjali bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Infrastructure Malta u l-Ministru nnifsu. Dan minkejja li l-istess Kunsill Lokali talab direttament lill-Ministru sabiex tiġi kjarifikata din l-istess stqarrija li tat stampa differenti ta’ kif seħħew il-fatti. Mill-korrispondenza li l-Oppożizzjoni għandha kopja tagħha, jidher ċar li:

  • Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar ilu aktar minn sena jipprova jagħti xogħol ta’ resurfacing ta’ toroq lil numru ta’ kuntratturi, iżda dawn dejjem irrifjutaw li jagħmlu dan ix-xogħol fuq raguni li kienu impenjati fuq xogħol ieħor mogħti lilhom mill-Gvern.
  • Minkejja li l-Gvern ta l-impressjoni li se jkun hu permezz ta’ Infrastructure Malta li se jagħmel tajjeb finanzjarjament għat-toroq li fuqhom se jsir it-tarmak f’San Pawl il-Bahar, minn din il-korrispondenza jirrizulta li l-Gvern talab is-somma ta’ aktar minn miljun ewro lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
  • Minkejja li l-Gvern matul l-aħħar sena ripetutament stqarr li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, l-Kunsilli Lokali kien se jibqalhom f’idejhom il-flus allokati għar-resurfacing tat-toroq, mal-Kunsill ta’ San Pawl il-Bahar mexa differenti għax filwaqt li b’insistenza talab biex qabel jibda x-xogħol fuq 17-il triq f’Buġibba u l-Qawra tgħaddi s-somma diretta lill-Gvern ta’ aktar minn miljun ewro.
  • Il-Ministru naqas li jaghmel referenza ghal dan il-fatt, kif naqas li jagħmel referenza għall-fatt li l-Kunsill, qabel beda x-xogħol, diġà għadda bil-quddiem ħlas ta’ nofs miljun ewro dirett fil-kont ta’ Infrastructure Malta.

 Il-Gvern u l-esponenti tiegħu jinsabu mhedija fi kritika diretta u sistematika lejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, bl-intenzjoni ċara li l-Partit Soċjalista jaħtaf akkost ta’ kollox dan il-Kunsill fl-elezzjoni ta’ Mejju. Xi ħaġa li diġà pprova jagħmel fl-aħħar snin minkejja li fl-aħħar elezzjoni l-komunità ta’ San Pawl il-Baħar għażlet tmexxija b’maġġoranza Nazzjonalista. Robert Cutajar qal li fil-preżent, il-komunità ta’ San Pawl il-Baħar li tinkludi x-Xemxija, l-Imbordin, il-Qawra, Buġibba, Burmarrad u l-Wardija qed jesperjenzaw nuqqasijiet kbar fejn jidħol l-infurzar u l-kriminalità, infurzar fuq rimi ta’ skart goff bla rażan u l-ħruġ ta’ skart  barra l-ħinijiet normali.

Fil-ġlieda kontra l-kriminalità, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jidħlu l-kunċetti tal-community policing u tourism policing, biex titnaqqas il-kriminalità mhux biss f’San Pawl il-Baħar iżda madwar il-pajjiż kollu. Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca qal li l-Gvern Soċjalista qed jieħu bosta responsabbiltajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali u mhux l-ewwel darba li jilgħab bil-fondi, kif ukoll dawk Ewropej biex jgħid li jkun qiegħed jagħmel il-proġetti. 

Il-Gvern Soċjalista baqa’ jnaqqar kemm jiflaħ mir-responsabbiltajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali, u wara li neħħa minn idejn il-Kunsilli r-responsabbiltà tal-infurzar issa jrid jitfa t-tort ta’ dan kollu fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Gvern tefa’ wkoll il-piż fuq il-Kunsill għall-ġbir tal-iskart billi impona roster bla ma’ għamel konsultazzjoni u informa lir-residenti kif kien wieħed jistenna.

Il-Gvern naqas jirrikonoxxi li San Pawl il-Baħar b’aktar minn 26,000 resident, huwa l-akbar lokalità f’Malta, bl-akbar numru ta’ residenti ta’ nazzjonalitajiet differenti. 

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina, l-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca u l-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’San Pawl il-Baħar Dounia Borg, Anthony Delia, Graziella Galea u Edward Torpiano.