Sport Sport Ieħor

It-tieni post għal Marie Claire Aquilina fil-kategorija tan-nisa tat-Tour ta’ Malta

Marie Claire Aquilina ta’ Team Greens spiċċat fit-tieni post fil-kategorija tan-nisa u Etienne Bonello tal-istess tim spiċċa t-tielet fil-kategorija Elite f’The Cyclist Tour ta’ Malta. Din kienet il-25 edizzjoni li rat numru rekord ta’ parteċipanti barranin. B’kollox ħadu sehem 84 ċiklist.

L-aħħar tappa saret fiċ-ċirkwit ta’ San Martin li hu kkunsidrat bħala wieħed mill-aktar ħorox f’pajjiżna. Iċ-ċiklisti parteċipanti kellhom jagħmlu is-sitt dawriet tal-korsa filwaqt li tal-kategorija Elite kellhom erba’ dawriet aktar.

Fl-aħħar stadju tal-Ħadd, Aquilina pruvat tirkupra l-ħin mitluf tal-istadju preċedenti iżda l-isforzi tagħha wasslu biex spiċċat fit-tieni post wara Madeline Scott li rebħet bi ftit sekondi. Gabriella Nordin ta’ TW1 Racing Team temmet it-tielet.

Il-kategorija Elite kienet mimlija azzjoni. L-aħwa Christian u Maurice Formosa ta’ The Cyclist ħadmu flimkien biex jiksbu riżultat pożittiv. Christian Formosa deher fuq quddiem f’numru ta’ dawriet iżda tilef it-tielet post bi ftit millisekondi. It-tliet ċiklisti ta’ Stuart Hall Cycling Gett Taxi Bottechia, Matthew Dobbing, David Reece u Harry Horsman.

Il-kategorija tal-Masters reġgħet kienet dominata minn ċiklisti barranin. L-eks Champion tad-Dinja tal-1989 u l-1991 fl-Insegwiment Individwali Colin Sturgess ta’ Kuota GSG spiċċa l-ewwel. Etienne Bonello ta’ Team Greens b’distakk ta’ millisekondi u Daryl Maffey ta’ CC London spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament fl-aħħar stadju.

Il-kategorija tal-Juniors kienet iddominata minn Luke Borg ta’ The Cyclist li temm tour ta’ suċċess b’rebħa oħra. Warajh temmew Sean Enriquez ta’ Mosta AF Sign Studio u Gianluca Camilleri ta’ Birkirkara St. Joseph.

Klassifika Finali

Kategorija Elite: 1. David Reece 6:19.47, 2. Declan Hudson +0:06.43, 3. Harry Horsman +1:38.31

Kategorija tan-nisa: 1. Samantha Fawcett 4:47.29, 2. Marie Claire Aquilina +0:00.43, 3. Madeleine Scott +0:16.96

Kategorija tal-Masters: 1. Daryl Maffey 4:11.14, 2. Colin Sturgess +0:22.25, 3. Etienne Bonello +0:58.92

Kategorija tal-Juniors: 1. Luke Borg 4:35.46, 2. Sean Enriquez +10.52.05, 3. Gianluca Camilleri +18:18.43