Waqt is-seduta Parlamentari tat-Tnejn, il-Parlament iddiskuta s-sitwazzjoni preżenti tar-Renju Unit fid-dawl tal-proċess tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.
F’diskors li għamel, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li wieħed irid jara x’inhuma l-isfidi imma anke l-opportunitajiet li wieħed jista’ jislet minn din is-sitwazzjoni, u qal li n-negozjanti Maltin ukoll qed iħarsu lejn dan ix-xenarju biex jifhmu x’se jkun l-impatt ta’ Brexit
Adrian Delia qal li huwa mportanti li l-Gvern jippreżenta pjan ta’ kif se jkun qed jghin lin-negozji Maltin f’dan ix-xenarju.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li bi pjan konkret iktar hemm ċans li nsibu opportunitajiet f’din is-sitwazzjoni.
Adrian Delia semma l-fatt li l-ħruġ mhux ordnat tar-Renju Unit se jħalli impatt fuq oqsma diversi, bħan-negozju fil-propjetà diġa miftehmin, kif ukoll fuq dawk li qed jistudjaw fir-Renju Unit, fuq is-settur tal-mediċina, id-dwana u l-forzi tal-ordni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa x’qed jippjana l-Gvern f’sens ta’ informazzjoni fattwali, u x’inhuma l-oqsma li ġew identifikati bħala priorità.
Il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu tkellem dwar l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew fejn ġie deċiż li l-arranġament li ingħata lir-Renju Unit mhux se jerġa jibidel, iżda Theresa May għad għandha ċ-ċans tirrevoka l-Artiklu 50.
//= $special ?>