Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Nipproteġu lill-whistleblowers fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja – Casa, Zammit Dimech

Il-Parlament Ewropew fi Strasburgu

Ir-regoli l-ġodda tal-UE li se jiġu addottati għada mill-Parlament Ewropew huma kruċjali biex nassiguraw li l-whistleblowers u l-ġurnalisti investigattivi jkunu protetti fil-kontinent. Kemm il-whistleblowers kif ukoll il-ġurnalisti investigattivi huma kruċjali biex jinkixfu l-korruzzjoni, l-ħasil tal-flus u l-ksur tal-liġijiet. Għalhekk, qed nibgħatu l-messaġġ li mhux se nieqfu fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-MEPs David Casa u Francis Zammit Dimech fid-diskorsi tagħhom waqt dibattitu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-vot dwar il-liġi l-ġdida se jittieħed għada fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, li hu r-Rapporter tal-Grupp tal-PPE dwar din il-liġi fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, qal, “Jien rajt kif whistleblowers u ġurnalisti investigattivi ġew attakkati, speċjalment f’ċirkostanzi meta kixfu persuni f’pożizzjonijiet għolja fil-Gvern. Dawn il-ġurnalisti huma professjonali, u qed jirriskjaw ħajjithom u dik tal-familji tagħhom biex jikxfu irregolaritajiet u skemi ta’ korruzzjoni. Il-ġurnalisti u l-whistleblowers għandhom jingħataw il-protezzjoni neċessarja. Jixraq li noffrulhom din il-protezzjoni għall-kuraġġ li juru anke f’ċirkustanzi diffiċli.”

David Casa spjega li wara li ra mill-qrib il-kuraġġ li wrew il-whistleblowers u l-ġurnalisti investigattivi, hu nsista għal regoli tal-UE li jipproteġu lill-whistleblowers. Ir-regoli l-ġodda se jiggarantixxu protezzjoni lil dawk li jikxfu l-ksur tar-regoli tal-UE, li jvarjaw minn korruzzjoni u ħasil tal-flus, għall-protezzjoni tal-ambjent.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, li hu r-Rapporter tal-Grupp tal-PPE dwar din il-liġi fil-Kumitat tal-Kultura u l-Midja, qal, “Il-liġi dwar il-whistleblowing tibgħat messaġġ ċar li rridu nipproteġu liċ-ċittadini li jikxfu l-korruzzjoni, li rridu nipproteġu lill-ġurnalisti investigattivi u li rridu nissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini li jkunu nfurmati dwar dak li hu ta’ interess għalihom.”

Zammit Dimech ressaq ukoll emendi biex isaħħaħ il-liġi fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali li hu membru tiegħu. Il-proposti tiegħu kienu jinkludu li meta persuni jkollhom biżżejjed raġunijiet biex jemmnu li hemm kollużjoni bejn min qed jikser il-liġi u l-awtoritajiet relevanti, dawn ikunu jistgħu jikxfu l-informazzjoni lill-pubbliku, xi ħaġa li tista’ ssir anke jekk il-provi jkunu jistgħu jiġu mbagħbsa jew jinqerdu. Zammit Dimech assigura wkoll il-protezzjoni tal-ġurnalisti li kultant iservu bħala intermedjarji għall-whistleblowers fil-proċess biex jikxfu l-verità u l-korruzzjoni.