Futbol Sport

Punt kull wieħed f’logħba xotta mill-azzjonijiet

(Ritratt: James Galea)

SLIEMA WANDERERS………………. 0 SENGLEA ATHLETIC …………….. 0

Sliema: T. Aquilina, A. Muscat, N. Ashong (M. Sansone 73’), K. Shaw, S. Biancardi, C. Pani, M. Scerri, M. Muchardi, R. Fenech (J. Mintoff 88’), Y. Marzouk, I. Varela

Senglea A.: M. Farrugia, G. Leyton, Z. Cassar, A. Mrsulja, M. El Sidqy, D. Venancio, M. Garcia, L. Grech (M. Bartolo 92’), K. Cutajar (B. Schembri 79’), T. Marukawa, Romulo

Imwissija: C. Pani 4’, A. Muscat 23’, S. Biancardi 80’, K. Shaw 83’ (Slm), G. Leyton 56’, M. Garcia 66’, Z. Cassar 68’ (Sng)

Referee: Etienne Mangion

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Darko Stankovic

Il-Nazzjon Plejer tal-logħba: D. Venancio (Senglea Athletic)

Rapport: George Cassar

Sliema Wanderers u Senglea Athletic ftit li xejn ħolqu opportunitajiet biex isibu x-xibka u baqgħu ma fetħux l-iskor sal-aħħar. Bil-punt li ħadu, Sliema laħqu lil Ħamrun Spartans hekk kif it-taqtigħa għar-raba’ post, li tista’ tfisser parteċipazzjoni fl-Europa League, jidher li se tibqa’ għaddejja sal-aħħar ġurnata tal-kampjonat.

Il-ġimgħa d-dieħla l-Wanderers iridu jilagħbu konfront dirett ieħor għar-raba’ post kontra Balzan filwaqt li fl-aħħar logħba jkun fadlilhom jilagħbu kontra Pietà Hotspurs.

Min-naħa l-oħra Senglea issa tbiegħdu b’ħames punti mit-tim ta’ tnax-il post ta’ St. Andrews. Madankollu s-Sengleani għadhom mhux matematikament meħlusa mill-play-off tar-relegazzjoni hekk kif il-kalendarju tagħhom sal-aħħar tal-kampjonat huwa wieħed diffiċli minħabba li jonqoshom jilagħbu kontra Hibernians u Birkirkara.

Qabel ma bdiet il-logħba, il-plejer ta’ Sliema Ryan Fenech ġie ppreżentat bil-flokk bin-numru 300 li jindika n-numru ta’ logħbiet tiegħu fil-kampjonat Premier.

Senglea kienu l-aħjar fl-ewwel taqsima fejn kienu spiss fuq l-offensiva iżda xorta ma rnexxielhomx jikkonkludu wisq. Fit-tieni taqsima Sliema daħlu iktar fil-logħba li saret iktar bilanċjata iżda xorta waħda ħadd minnhom ma għamel biżżejjed biex jikseb it-tliet punti. Senglea kienu mingħajr l-aħjar skorer tagħhom Augusto Caseres li postu bħala attakkant prinċipali ħadu Romulo Silva.

L-iktar azzjoni perikoluża tal-ewwel taqsima kienet tal-Isla meta Taisei Marukawa, minkejja li kien fi spazju ristrett, evita lil Kurt Shaw, lil Stefano Biancardi u kważi anki lill-gowlkiper Timothy Aquilina, iżda l-konklużjoni tiegħu ħabtet max-xibka minn barra.

It-tieni taqsima żvolġiet f’ħafna logħob f’nofs il-grawnd u kien fl-aħħar kwarta li kien hemm konklużjoni perikoluża fuq kull naħa. Fis-77 minuta Younes Marzouk fetaħ lejn Ignacio Varela li b’xutt minn barra l-kaxxa kkonkluda għoli. Erba’ minuti mit-tmiem kien hemm freekick perikoluż mill-plejer tal-logħba Diego Venancio li mar barra bi ftit.

Fit-tieni minuta tal-ħin miżjud Younes Marzouk ġie qrib il-gowlkiper Matthew Farrugia, iżda dan irnexxielu jimblokka f’korner biex b’hekk żamm lil Senglea imbattibbli għar-raba’ logħba konsekuttiva u kompla kabbrilhom it-tamiet li jsalvaw posthom fil-Premier għat-tieni staġun konsekuttiv.