Lokali Qorti

Rikors Kostituzzjonali minn Libjan li attakka ordni ta’ protezzjoni għax dan sar mingħajr ma ingħata opportunita’ għall-verżjoni

Libjan ippreżenta rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Sede Kostituzzjonali fejn qed jitlobha tidikjara li l-Artikolu 540A tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta huwa kontra d-drittijiet tal-bniedem. Dan wara li ppermetta l-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni temporanja f’każ fejn huwa jixtieq jara lil bintu imma ma jistax minħabba li ma ngħatax l-opportunita’ f’każ li għandu kontra l-mara.

Il-koppja jinsabu għaddejjin minn problemi tant li huwa mar jgħix f’residenza oħra, iżda wara li martu qed tallega li qed issir vjolenza domestika, ħarġet ordni temporanja li hu ma jistax jara lil bintu.

Abdusalam Moamer Mohammed qed jgħid li l-fatt li ma ngħatax opportunita’ jagħti l-verżjoni tiegħu, imur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Qed jitlob il-Qorti wkoll biex jinħareġ rimedju u li mhux sew li l-Liġijiet ta’ Malta ma joġolqu ebda rimedju ieħor sabiex jikkontesta l-ordni ta’ protezzjoni temporanja maħruġa kontrih. U dan peress li tali ordni ta’ protezzjoni temporanja ċaħditu milli jkollu kuntatt ordinarju ma’ bintu.

Mohammed, li huwa ta’ nazzjonalita’ Libjana, iżżewweġ lil Naema Elmabrok gherbal f’Awwissu tal-2013, li hija wkoll Libjana, bir-rit Musulman fi Tripoli, l-Libja. Ftit wara li żżewwġu, l-koppja ġiet tgħix Malta.

Minn dan iż-żwieġ twieldet it-tifla żgħira Dana Mohammed, u dan fil-5 ta’ Frar, 2015 u li llum għandha erba’ snin. It-tifla twieldet u qed titrabba f’Malta. Matul iż-żmien tal-konvivenza ż-żwieġ tagħhom beda jitkisser minħabba differenz sostanzjali fil-karattri tagħhom, fejn filwaqt li martu kienet u għadha dedikata għar-reliġjon tagħha, r-raġel mhuwiex daqstant devot.

Apparti minn hekk, il-famijari tal-mara wkoll huma reliġjużi ħafna u regolarment urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-istil tal-ħajja tiegħu, billi huma jemmnu li ma kienx Musulman tajjeb.

Ir-rikors li kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Julian Farrugia jgħid ukoll li minkejja d-diffikultajiet li kellhom, huwa qatt ma kien vjolenti jew abbużiv fil-konfront ta’ martu. Madankollu, minħabba d-differenzi kbar fil-karattri tagħhom, huwa ma ħassx li seta’ jkompli jgħix taħt l-istess saqaf ma’ martu u kien għalhekk li f’Ottubru tal-2017, mar jgħix f’residenza oħra.

Minkejja li ħass li ma setax jgħix aktar ma’ martu, ma riedx li jaqta’ kuġħall kuntatt magħha u ma’ bintu. Madankollu martu iżda, bidlet iż-żewġ numri tal-mobiles tagħha u ftit taż-żmien wara, marret tgħix post ieħor bit-tifla mingħajr ma qalet lil żewġha fejn.

Għal żmien twil l-unika kuntatt li huwa kellu kien ma’ missier martu, li baqa’ jinsisti li għandu jbiddell ħajtu u jgħix ta’ Musulman tajjeb, u li qabel ma jagħmel hekk, huwa ma kienx se jerġa’ jara lil bintu. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi bla ebda kuntatt ma’ martu u bintu mar jgħix għal rasu.

Evventwalment iżda, issa sar jaf li martu marret tgħix f’appartament f’Birkirkara u f’xi tliet okkażjonijiet huwa mar biex ikun jista’ jara t-tifla. Fl-ewwel okkażjoni huwa staqsa lil martu biex jara t-tifla minn fuq l-intercom tal-blokka u malli martu semgħetu, ma baqgħetx twieġeb l-intercom u fl-okkażjonijiet l-oħra, lanqas biss weġbitu.

Wara nofs inhar il-Ħamis, 21 ta’ Marzu li għadda, reġa mar jipprova jkellem lil martu biex ikun jista’ jara lil bintu. Filwaqt li kompla jipprova jfiehem lil missier il-mara tiegħu, billi donnu hu jikkmanda kollox, izda dan dejjem joħroġ b’xik skuża u jiżżufjetta bih.

Ipprova tentattivi oħra, billi kien imur iħabbat lil mara li dejjem ikollha l-bieb tal-komun miftuħ, u dan biex jara lil bintu u hi ma tkellmux. Ftit tal-ħin wara marru l-Pulizija u wara li staqsewh x’kien qed jagħmel, qalulu biex ma jersaqx aktar ‘l hemm.

L-għada filgħodu, l-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu 2019, mar li skola Santa Klara ta’ San Ġwann, peress li ħabib tiegħu nfurmah li kien ra lit-tifla, Dan Mohammed, li tattendi l-istess skola. Wara mar biex ikellem lil xi ħadd mill-amministrazzjoni tagħha. Meta sab lil xi ħadd ikellmu, hu spjega kif din ġiet reġistrata mingħajr ma kien jaf hu bħala missier it-tifla.

Huwa ġie mitlub jistenna sakemm saret telefonata lill-omm u wara ftit minuti ġie nfurmat li t-tifla setgħet tiġi reġistrata fl-iskola mingħajr il-firma tiegħu, anke jekk tali spjegazzjoni ma kienitx ċara. Qalulu wkoll li ma setgħux jagħtuh aktar informazzjoni.

Dak inhar stess xis-7.30 p.m. huwa rċieva telefonata minn Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara fejn intalab biex imur hemm u spjega li ma kellux karozza, u l-Pulizija qallu biex imur l-eqreb għassa tiegħu, f’dan il-każ Raħal Ġdid. Kien hemm li ġie nfurmat li kienet nħarġet ordni ta’ protezzjoni temporanja.