Futbol Sport

Doppjetta ta’ Messi fl-ewwel 20 minuta tagħlaq il-kwalifikazzjoni għal Barcelona

(Ritratt: EPA)

BARCELONA…………………… 3

M. ter Stegen, S. Roberto (N. Semedo 71’), G. Pique, C. Lenglet, J. Alba, S. Busquets, I. Rakitic, Arthur (A. Vidal 75’), P. Coutinho (O. Dembele 81’), L. Messi, L. Suarez

MANCHESTER UNITED….. 0

D. De Gea, P. Jones, V. Lindelof, C. Smalling, A. Young, S. McTominay, Fred, P. Pogba, J. Lingard (A. Sanchez 80’), A. Martial (D. Dalot 65’), M. Rashford (R. Lukaku 73’)

Imwissija: L. Suarez 69’ (B)

Skorjaw: L. Messi 16’, 20’, P. Coutinho 61’ (B)

Referee: Felix Brych (Ġermanja)

Barcelona żammew mal-aspettattiva u għaddew għas-semifinali tal-UEFA Champions League b’rebħa ta’ 3-0 fil-Camp Nou fuq Manchester United. Il-prestazzjoni tal-Katalani kienet ferm aħjar mill-ewwel logħba f’Old Trafford u prattikament aċċertaw mill-kwalifikazzjoni fl-ewwel 20 minuta.

Kienu Manchester United li ħolqu l-ewwel periklu wara biss 37 sekonda meta Paul Pogba għadda tajjeb fl-ispazju lejn Marcus Rashford li mill-kaxxa xxuttja iżda t-tentattiv ħabat mal-mimduda u baqa’ sejjer barra.

Barcelona kienu għoddhom ingħataw penalty fit-12-il minuta meta r-referee Felix Brych ordna penalty għal fawl ta’ Fred fuq Ivan Rakitic. Iżda wara li mar jara l-azzjoni permezz tal-VAR, Brych dawwar id-deċiżjoni fost il-protesti tal-plejers ta’ Barcelona.

Il-Katalani fetħu l-iskor erba’ minuti wara meta LIONEL MESSI seraq il-ballun mingħand Ashley Young, evita d-daħla ta’ Fred u ċċentra ruħu biex b’xutt preċiż fil-baxx minbarra l-kaxxa għeleb lil David De Gea.

Barcelona rduppjaw fl-20 minuta. Din id-darba kien Fred li tilef il-ballun f’pożizzjoni ċentrali, LIONEL MESSI rebaħ il-ballun u ssikkat minn Phil Jones ġibed il-ballun fuq il-lemin u xxuttja fil-baxx. Ix-xutt deher li mhux se joħloq problemi għal De Gea, iżda l-Ispanjol naqas li jżomm il-ballun li għadda minn taħt u baqa’ dieħel fix-xibka.

Wara dan il-gowl, Barcelona kienu fil-kontroll tal-logħba, b’Manchester United isibuha diffiċli biex jerġgħu jidħlu fil-konfront. Fil-41 minuta t-tim ta’ Valverde mar qrib it-tielet gowl, bi free-kick mil-lemin ta’ Messi jsib lil Ivan Rakitic li prova b’daqqa ta’ ras, iżda De Gea salva f’darbtejn.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Barcelona għal ftit ma żidux il-vantaġġ b’azzjoni oħra ta’ Messi li dar tajjeb ma’ Phil Jones u fetaħ lejn Jordi Alba li tefa’ kross fil-baxx tul il-lasta lejn Sergio Roberto, b’De Gea b’xi mod isalva.

Fit-tieni taqsima, Barcelona ppermettew aktar lil Manchester United joħorġu mill-qoxra difensiva, iżda l-Katalani skorjaw it-tielet gowl fil-61 minuta meta Messi tefa’ ballun fit-tul lejn Jordi Alba li niżżel lil PHILIPPE COUTINHO li kkontrolla u b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ma tax ċans lil De Gea.

L-eks Alexis Sanchez prova jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni fid-89 minuta meta rċieva kross mil-lemin u tar minn tulu b’daqqa ta’ ras iżda ter Stegen dawwar f’korner bi bravura.