Futbol Sport

Erik ten Hag jinsab fiduċjuż għalkemm jgħid li Juventus huma l-favoriti

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Ajax Erik ten Hag jinsab kunfidenti hekk kif qal li “Juventus huma l-favoriti, speċjalment wara r-riżultat f’Amsterdam. Jekk nilagħbu tajjeb nistgħu negħlbu l-ostaklu. Allegri hu bravu u ċertament li ħaseb f’mod differenti kif jipprepara għal din il-logħba kkumparat mal-ġimgħa l-oħra. Irridu ntejbu l-pjan tattiku tagħna.”

Cristiano Ronaldo hu mistenni jibda kontra Ajax hekk kif fl-aħħar logħba fis-Serie A kontra Spal ma kienx fl-iskwadra. Juventus tilfu 2-1, b’Allegri juża biss żewġ plejers li kienu fl-ewwel leg kontra Ajax il-ġimgħa l-oħra.

Ajax fuq in-naħa l-oħra kellhom disa’ plejers mid-draw ta’ 1-1 kontra ċ-Champions Taljani, bil-midfielder influwenti Frenkie de Jong joħroġ minħabba problema fil-hamstring fl-ewwel taqsima, għalkemm xorta mistenni li jagħmilha hekk kif jinsab fl-iskwadra.

Emre Can mistenni jirritorna għal Juventus wara li tilef l-ewwel logħba, iżda Mario Mandzukic u Giorgio Chiellini mhumiex fl-iskwadra hekk kif qed ikomplu jirkupraw. Douglas Costa jista’ jirritorna fost is-sostituti. Ajax għandhom lil Hassane Bande u Careil Eiting neqsin flimkien mas-sospiż Nicolas Tagliafico.

Juventus mhumiex megħluba fl-aħħar 10 konfronti kontra Ajax fil-kompetizzjonijiet kollha u qed iħarsu li jaslu għas-semifinali għat-tielet darba fl-aħħar ħames staġuni. Ajax fuq in-naħa l-oħra ilhom ma jaslu mal-aħħar erbgħa mill-istaġun 1996/97.