Lokali

Il-Gvern Soċjalista ma jimpurtahx mill-familji Maltin u l-Għawdxin u ma fadallux diċenza għax moħħu biss fil-poter

“Il-Gvern Soċjalista ma jimpurtahx mill-familji Maltin u l-Għawdxin u ma fadallux diċenza għax moħħu biss fil-poter.” hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika fil-Gżira bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista ma jimpurtahx mis-sewwa u li jiġġieled il-korruzzjoni bis-serjetà. Dan meta r-rapport tal-Greco huwa kundanna oħra għall-Gvern Soċjalista li qed jhedded id-demokrazija, jaħtaf l-istituzzjonijiet u jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Fil-konklużjonijiet tiegħu, r-rapport tal-Greco jgħid ċar u tond li filwaqt li f’pajjiżna hawn l-istituzzjonijiet, l-effettività tagħhom tinsab fid-dubju wara bosta każijiet u allegazzjonijiet li jikkonċernaw l-integrità ta’ persuni għolja fil-Gvern. Huwa qal li l-esperti tal-Greco qed jagħtu raġun lill-Oppozizzjoni issa ilha tgħid u titkellem kif f’pajjiżna hawn il-liġijiet iżda mhux qed jitħaddmu sew. Huwa qal li quddiem dan kollu l-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ mistagħġeb kif l-istituzzjonijiet barranin ma jemmnux lill-Gvern Malti u l-Ministru Helena Dalli tipprova titfa’ t-tort tar-riżultat tal-għemil tal-Gvern fuq l-Oppożizzjoni.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni b’serjetà u b’vuċi soda u għalhekk ilbieraħ ressaq mozzjoni biex il-Parlament iwaqqaf immedjatament kumitat Parlamentari li jkollu l-għan li jifli u jistudja r-rapporti tal-Greco u tal-Kummissjoni Venezja u jirrakomonda kif dawn ir-rapporti għandhom jiġu implimentati. Ir-rapport tal-Greco, jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista u mhu xejn għajr ċertifikat ieħor ta’ kundanna għall-Gvern Soċjalista li ħataf l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jiżguraw it-twettiq tal-liġijiet iżda li minflok jinsabu maħtufa mill-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li filwaqt li l-Gvern Soċjalista ma jimpurtahx, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jitlaq u l-Ministru Konrad Mizzi jibqa’ ma jġorrx ir-responsabbilità li kien l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li ssemma’ fil-Panama Papers u minflok irid isir Prim Ministru hu, l-Maltin u l-Għawdxin qegħdin iħallsu prezz għoli għall-korruzzjoni. Dan għaliex il-korruzzjoni qed tiġi tiswa lill-poplu Malti aktar minn €725 miljun fis-sena. Delia qal li kieku m’hawnx din il-korruzzjoni, nkunu nistgħu ngħinu lill-anzjani li kull xahar iridu jagħżlu jixtrux il-mediċini jew l-ikel, lil min għandu bżonn il-housing soċjali u liż-żgħażagħ li qed jispiċċaw fil-prekarjat.

Adrian Delia qal li f’Mejju li ġej l-poplu għandu l-opportunità biex jgħid lill-Gvern Soċjalista jbiddel id-direzzjoni u ma jibqax jagħmel aktar ħsara lil pajjiżna u li Malta terġa’ lura fit-tas-sewwa u tal-ħarsien tad-demokrazija.