Internazzjonali

Il-Libja: Khalifa Haftar akkużat dwar kolp ta’ stat

Il-Kmandant tal-Armata Libjana tal-Lvant, Khalifa Haftar, ipprova jwettaq kolp ta’ stat meta ħareġ mandat għall-arrest tal-Prim Ministru tal-Libja, Fayez al-Serraj, li qed igawdi r-rikonoxximent tal-komunità internazzjonali.

Dan qalu Ghassan Salame, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, meta l-qawwiet ta’ Haftar u ta’ Serraj qed ikomplu bil-konfront militari għall-kontroll ta’ Tripli.

L-Armata ta’ Haftar, ġimgħatejn ilu, avvanzat sal-periferiji tal-kapitali Libjana fejn sabet reżistenza mill-ġellieda ta’ Serraj, bil-battalji jikkonċentraw l-aktar fuq is-sobborgi fin-naħa t’isfel ta’ Tripli. Ir-reżistenza kontra Haftar ngħatat spinta mill-milizji armati li ġejjin minn diversi bnadi tal-Libja u li qegħdin jgħinu fid-difiża tal-kapitali.

Min-naħa tiegħu, Haftar – eks Ġeneral fl-Armata tal-eks dittatur Libjan Muammar Gaddafi – qed jintensifika l-attakki mill-ajru u  jrid jippersisti bil-kampanja bil-għan li ‘jeqred lill-ġellieda u terroristi Iżlamiċi fil-pajjiż’.

Madankollu, Salame qal li d-deċiżjoni ta’ Haftar biex (waqt il-kampanja) joħroġ mandati għall-arrest ta’ Serraj u uffiċjali oħra tal-Gvern ( fi Tripli) ‘tidher intiża aktar għal kolp ta’ stat milli azzjoni kontra t-terrur.’

L-indikazzjonijiet, għalissa, huma li s-sostenituri barranin ta’ Khalifa Haftar mhumiex jinsistu miegħu biex jirtira minn Tripli. L-Eġittu, Franza u l-Emirati Għarab iqisu lil Haftar bħala ‘l-aħjar opportunità’ biex jintemm il-ġlied bejn il-gruppi rivali li ilu jifni l-Libja miż-żmenijiet tar-Rewwixta Storika tal-2011 li kienet qaċċtet ir-reġim ta’ Gaddafi.

Salame kien qed jippjana konferenza dwar rikonċiljazzjoni fil-Libja li suppost saret din il-ġimgħa iżda kellha titħassar fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Hu, issa, qed jittama li n-naħat avversarji Libjani jirrealizzaw, fil-jiem li ġejjin, li ħadd minnhom ma jista’ jikseb rebħa deċiżiva fuq livell militari.

L-aħħar jiem ta’ battalji fil-Libja ħallew talanqas 150 mejtin ( fil-parti kbira ġellieda) u mijiet ta’ midruba. Il-battalji rriżultaw ukoll f’xi 18,000 refuġjat, bl-osservaturi barranin qed jinkwetaw dwar iż-żieda fl-ammont tal-vittmi ċivili u l-ħsarat kontinwi fl-infrastruttura kruċjali għal Tripli.