Lokali

Il-Ministru tas-Saħħa ma jgħidx kemm barranin qed jaħdmu fis-settur tas-saħħa

Minkejja li fl-aħħar jiem il-President tal-MUMN Paul Pace wissa’ li l-ħaddiema barranin li l-Gvern Soċjalista qed iġib lejn Malta biex jimlew il-vojt fis-settur tas-saħħa bilkemm jafu jikkomunikaw mal-pazjenti, il-Ministru Chris Fearne jiddikjara li xorta waħda kuntent bihom.

“Għandna tobba, spiżjara, nies paramediċi, nurses, Maltin u barranin,” kienet l-ammissjoni tal-Ministru Fearne.

Meta kien mistieden fil-programm Net Live, Paul Pace kien iddikjara li l-ikbar sfida li qed tinħoloq bil-ħaddiema barranin fil-qasam tas-saħħa, fil-maġġoranza tagħhom Indjani u Pakistani, hi n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tagħhom mal-anzjani.

“L-Ingliż tagħhom fil-maġġoranza tagħhom mhix l-ewwel lingwa tagħhom. Il-kulturà tagħna totalment differenti,” kien stqarr

Iżda l-Gvern jinsab b’idejh marbuta u m’għandux għażla oħra ħlief li jkompli jimporta l-ħaddiema barranin lejn Malta.

Dan hekk kif il-President tal-MUMN Paul Pace iddikjara li fis-settur tas-saħħa bħalissa hemm nuqqas kbir ta’ infermiera: “Meta tara li n-nuqqas issa tela’ bejn 500 u 600 infermier, hu allarmanti,” stqarr Paul Pace.

Matul l-intervista, hu spjega kif f’Mater Dei m’għandek l-ebda sala li għandha n-numru ta’ infermiera meħtieġa. Hu evidenti li, b’mod speċjali fl-aħħar snin, ħafna minn dawk li qed jiġi mpjegati fis-settur tas-saħħa mhux ikunu Maltin, iżda barranin.

Fl-aħħar ħames snin, l-ammont ta’ infermieri żdied b’500 iżda l-Ministru ma qalilniex kemm minnhom huma barranin. Qalilna biss li s’issa l-ammont tal-barranin fil-qasam tas-saħħa jlaħħaq ċifra ta’ bejn it-8% u d-9% tal-ħaddiema kollha.

Kemm huma barranin minn dawk il-500? Stqaejna lill-Ministru li stqarr biss li “għandna barranin minn ħafna nazzjonalitajiet, nirringrazzjawhom tax-xogħol kbir li jagħmlu.” Ippressat biex itina numru, Fearne qalilna: “li nista’ ngħidlek li għandna bejn 8% u 9% tal-istaff tagħna li huma barranin. Hi xi ħaġa li aħna kuntenti li għandna ħaddiema barranin li qed jiġu Malta biex jaħdmu fis-settur tagħna.”

Iżda ċ-ċifra li tana l-Ministru hi ferm bogħod mir-realtà. Waqt li l-Ministru qal li l-barranin kollha jammontaw għal 8% jew 9%, fi kliem Paul Pace bejn 15% u 20% huma Pakistani jew Indjani biss … aħseb u ara jekk wieħed jikkalkula n-nazzjonalitajiet kollha.

“Illum għandek kważi bejn 15% u 20% mill-workforce tagħna li huma Pakistani u Indjani. U xorta, id-domanda għadha għolja.”  Kienet id-dikjarazzjoni ta’ Paul Pace.

Net News jinsab infurmat li fi swali fl-Isptar Monte Karmeli, saħansitra twarrbu infermieri Maltin impjegati tal-kuntrattur biex minflokhom iddaħħlu grupp ta’ Pakistani u Indjani.