Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jassigura li l-Marsin jerġgħu jibdew jgħixu b’mod trankwill fil-lokalità li tant iħobbu

Gvern Soċjalista li jgħid li jisma, żgur mhux qed jisma l-karba tal-Marsin. Ma jistax ikun li r-residenti tal-Marsa jibqgħu jgħixu f’darhom bil-biżgħa, l-anzjani tagħna li jkunu lura d-dar qabel jidlam, ġenituri li ma jafdawx lit-tfal tagħhom waħedhom barra. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed hemm sabiex jiddefendi lil dan il-lokal b’kull mod waqt li se jkun il-vuċi u l-leħen tar-residenti Marsin.

Sostna dan il-Kap tal-Partit NazzjonalistaAdrian Delia fi żjara fil-lokalità tal-Marsa fejn kellu l-opportunità jisma’ l-preokkupazzjonijiet tan-negozji u tar-residenti li esprimew it-tħassib tagħhom li l-Gvern mhux qed jipprovdi sigurtà biżżejjed fil-lokalità wara li falla fil-qasam ambjentali tal-lokalità tal-Marsa.

Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-Kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dione Borg kif ukoll kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Filwaqt li l-Gvern jiftaħar bl-aqwa żmien u filwaqt li l-Gvern jgħid li għandu surplus li issa jidher li sparixxa, mhux l-istess jistgħu jgħidu r-residenti tal-Marsa għaliex dawn ir-residenti la huma qed jgħixu fl-aqwa żmien anzi uħud minnhom qed jaraw kif jirrilokaw ruħhom.

Huwa saħaq li se jibqa’ jagħmel dak kollu li suppost qed jagħmel il-Gvern – li jkun wens għal min qed ibati. Huwa obbligu tal-Gvern li jara li l-Marsa tkun imħarsa sew mill-forzi tal-ordni

Dan ma kienx l-ewwel Gvern Laburista li nesa lill-Marsin. Fis-snin 80 Gvern Laburista kien dawwar lil dan il-lokal minn ċentru ta’ kummerċ u attività marittima għal post fejn jinħażen il-faħam fl-apert u mbagħad, dan il-faħam jiġi trasportat għall-Power Station li kienet tinsab biswit.

Gvern Nazzjonalista mhux biss ħaseb li f’Malta jkun hawn Power Station li tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ dak iż-żmien iżda wkoll ried li din in-naħa tal-pajjiż terġa’ tieħu l-ħajja, terġa’ ssir ċentru ta’ kummerċ u attività. U kien biss permezz tal-Investiment fl-Interconnector bejn Malta u Sqallija, li kien possibbli li titwaqqa’ l-Power Station l-antika tal-Marsa.

Il-Partit Nazzjonlista se jkun qed jara li anke mill-Kunsill Lokali jagħmel id-differenza. Adrian Delia sostna li jrid jassigura li l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jsemmgħu leħinhom b’mod qawwi favur ir-residenti u jassigura li dawn ma jibqgħux imbeżżgħa u jerġgħu jibdew jgħixu b’mod trankwill fil-lokalità li tant iħobbu. Vot lill-Partit Nazzjonalista jfisser vot għall-pajjiż, ifisser vot għall-Marsa… ifisser vot sabiex il-familji tagħna jerġgħu jibdew jgħixu kif jixraq. Vot għall-Partit Nazzjonalista jfisser li nerġgħu nagħtu d-dinjita lill-Marsin.