Il-Partit Nazzjonalista irid isaħħaħ idejn in-negozju Malti u jagħmel pressjoni mill-Parlament Ewropew biex in-negozju Malti jkun jista’ jikkompeti aktar għall-fondi Ewropej. Dan billi nattiraw aktar fondi diretti għan-negozji ż-żgħar u l-industrija Maltija. Il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew se jaħdem biex tiżdied ir-rata ta’ suċċess tal-kumpaniji Maltin li jixtiequ jużaw fondi Ewropej biex ikabbru l-operat u l-ideat tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista llum nieda proposti konkreti għan-negozju Malti u l-fondi Ewropej waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji Żgħar Edwin Vassallo, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej Robert Cutajar, u l-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius. Il-proposti konkreti tal-PN huma:
- Nadattaw aħjar il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxu l-programmi tal-fondi Ewropej, biex jirriflettu s-sitwazzjoni ta’ suq bħal Malta. Dan se isir billi fost l-oħrajn jiddaħħlu thresholds aktar adattati għal Malta għall-parteċipazzjoni fi proġetti ta’ fondi Ewropej.
- Nintegraw aktar l-industrija u n-negozju mad-dinja tar-riċerka u l-akkademja, b’partnershipsukoll ma’ istituzzjonijiet barranin. Ir-rata ta’ suċċess tal-proġetti għal fondi diretti tiżdied aktar ma jkun hemm parteċipanti mill-qasam tar-riċerka u kif jiżdiedu l-parteċipanti minn pajjiżi oħra.
- Nikkontribwixxi biex jitwaqqaf ċentru Malti li jservi ta’ networking platform kif ukoll ta’ uffiċċju tal-ewwel gwida fuq fondi Ewropej għan-negozji Maltin. Dan iċ-ċentru jista’ jkun ta’ xprun ukoll għall-integrazzjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi f’ntegrazzjoni abkar fi proġetti mressqa għal fondi Ewropej diretti.
- Nużaw l-Ewropa u l-Parlament Ewropew bħala vetrina tal-imprenditorija Maltija. Il-PN se jaħdem biex jittellgħu fieri ta’ esposizzjoni tal-prodotti u l-ideat Maltin fi Brussell bħala parti mill-mandat tal-MEPs eletti mill-PN b’mod li nwessgħu l-opportunitajiet ta’ networking tal-kumpaniji u l-industriji Maltin.
Edwin Vassallo qal li minn rapport reċenti tal-Bank Ċentrali joħroġ ċar li n-negozji qed tonqsilhom il-fiduċja fil-ġejjieni u qed jaraw il-profitti neqsin. Huwa qal li jeħtieġ li nagħtu fiduċja u kuraġġ lin-negozji tagħna, fosthom in-negozjanti ż-żgħar li jħaddmu l-maġġorparti tal-impjiegi fil-pajjiż, biex dawn jisfruttaw il-fondi Ewropej speċjalment f’setturi ġodda innovattivi.
Robert Cutajar qal li hemm fondi Ewropej li s’issa mhux nużaw tajjeb, fond li trid tikkompeti għalihom, li jingħataw lil proġetti li jikkonvinċu lill-Kummissjoni Ewropea li se jinvestu fuq kunċetti innovattivi u fir-riċerka. Huwa qal li jeħtieġ nippromwovu aktar koperazzjoni bejn iċ-ċentri edukattivi u l-università mal-fabbriki u l-industrija.
Peter Agius qal li 30% tal-fondi Ewropej ma jgħaddux għand il-Gvernijiet iżda jitqassmu direttament mill-Kummissjoni Ewropea fuq proġetti li jikkompetu bejniethom l-SMEs u l-industrija fl-oqsma tal-innovazzjoni, ir-riċerka u proġetti ta’ żvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda. F’Malta kellna rata ta’ suċċess baxxa ħafna fil-kompetizzjoni għal dawn il-proġetti u ħadna l-anqas fondi fost il-pajjiżi Ewropej.
Dawn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista se jiġu diskussi u spjegati f’laqgħat apposta għas-settur tan-negozju. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi u t-tarka tan-negozju Malti, li huwa mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija. Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kandidata għall-elezzjonijiet lokali ta’ Birkirkara Deborah Mifsud.
//= $special ?>