Internazzjonali Knisja Kultura

Ir-raġel li rriskja ħajtu biex salva s-Sagrament u l-Kuruna tax-Xewk

Kien lejl twil għall-pumpieri u t-timijiet ta’ emerġenza li intervjenew minnufih malli daħal l-allarm dwar in-nirien fin-Notre-Dame. Fil-fatt, il-ħidma tagħhom kienet kruċjali sabiex ġiet salvata l-istruttura tal-ġebel, għalkemm il-fjammi laħqu ħallew il-marka tagħhom – ħadid li nqered, is-saqaf tal-Katirdal iggarraf, u bcejjec tal-arti spiċċaw irmied.

Kellhom jgħaddu xejn anqas minn 9 sigħat sakemm in-nar ġie parzjalment kontrollat – sigħat twal li fihom il-Pariġini baqgħu miġbura fl-inħawi tal-Katidral, jitolbu u jkantaw innijiet sagri.

Minkejja din id-diżgrazja, ir-Rettur tal-Katidral Patrick Chauvet ikkonferma li r-relikwa tal-Kuruna tax-Xewk ta’ Kristu u tunika tar-Re Luwiġi ta’ Franza – meqjusa żewġ opri b’valur bla qies – fortunatament ġew salvati.

Qed jissemma illi kien ic-Chaplain tal-pumpiera li b’mod tassew erojku daħal litteralment fin-nar biex isalva mhux biss dawn it-teħżori iżda anke s-Sagrament. Jean-Marc Fournier kien meqjus ukoll bħala eroj dakinhar li seħħ l-attakk terroristiku fuq il-Bataclan, u fil-karriera tiegħu serva wkoll fil-gwerra tal-Afganistan.

Intant, anke l-orgni ta’ Notre Dame, famuz mad-dinja kollha u fost l-akbar li jezistu, baqa’ intatt.