Sport Sport Ieħor

Keith “Speed” Azzopardi jirbaħ fis-serata Fighters Level Up f’Pariġi

L-atleti Maltin Keith “Speed” Azzopardi, Jesred Piscopo u Celeste Galea rritornaw lura pajjiżna flimkien mal-kowċ tagħhom Noel Mercieca wara li rrapreżentaw lil Malta fi Franza waqt is-serata Fighters Level Up f’Pariġi s-Sibt li għadda.

Keith “Speed” Azzopardi ġġieled f’bout professjonali kontra l-Marokkin Yannis El Hajaoui. Azzopardi mill-ewwel wera dominanza kbira fuq l-avversarju tiegħu hekk kif beda l-ewwel rawnd b’numru sostanzjali ta’ daqqiet preċiżi fosthom ‘spinning hook kick’ f’wiċċ l-avversarju.

Hekk kif kompliet it-taqbida, Azzopardi ta daqqa tajba bl-irkoppa f’ġenb El Hajaoui fejn kien hawn li r-referee kellu jibda jgħodd sal-għaxra iżda għal xi raġuni l-ġurija ma ndunatx b’din in-‘knockout’ u ħalliet il-ġlieda għaddejja. Azzopardi baqa’ jiddomina r-rawnds l-oħra sakemm eventwalment spiċċa rebbieħ b’mod mistħoqq. Din hi t-tielet rebħa għall-atleta professjonali Azzopardi fi Franza.

Celeste Galea kienet l-ewwel Maltija li ġġieldet fis-serata fejn wara ġlieda interessanti u soda, sfortunatament kellha tieqaf fit-tieni rawnd.

Jesred Piscopo ħabbatha kontra l-Franċiż Parietti, biż-żewġ atleti juru kuraġġ kbir matul it-tliet rawnds. It-tnejn bdew jikkombinaw serje ta’ daqqiet b’saħħithom u taw wirja spettakolari iżda l-ġurija rebbħet lil Parietti bil-punti.