Sport Sport Ieħor

Magħrufa n-numri tat-tluq għall-finali tat-Tazza l-Kbira

Illum fil-Board Room tal-Malta Racing Club telgħu l-poloz tal-finali tal-BOV Tazza l-Kbira. Is-sidien taż-żwiemel finalisti tellgħu l-polza tan-numru tat-tluq wara l-karozza. It-tlugħ tal-poloz saru fil-preżenza taċ-chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg u l-Kap Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Marketing tal-BOV Charles Azzopardi.

B’kollox ipparteċipaw 72 mill-aqwa żwiemel li kienu maqsuma f’sitt heats. L-ewwel erbgħa minn kull heat għaddew għaż-żewġ semifinali, b’nofs iż-żwiemel jikkwalifikaw għall-finali. Il-BOV Tazza l-Kbira hi l-aktar tiġrija prestiġjuża li mhux biss għall-finali iżda għandha l-akbar premju għat-tiġrijiet organizzati mill-Malta Racing Club.

Iċ-chairman tal-Malta Racing Club qal li l-poloz jistgħu jiddeterminaw l-andament tat-tiġrija minħabba li jista’ jkun hemm żwiemel li jippreferu jiġru fuq quddiem jew ma jkunux iridu jinqabdu fuq in-naħa ta’ ġewwa. Charles Azzopardi jinsab sodisfatt li l-BOV reġgħu qed isostnu dan l-avveniment prestiġjuż. Hu kompla li l-isport hu parti integrali mill-parteċipazzjoni fil-komunità u awgura lill-finalisti kollha.

Il-finali tat-Tazza l-Kbira ssir il-Ħadd 28 ta’ April u bħas-soltu l-Malta Racing Club qed tipprepara programm varjat għall-familja kollha. Il-parata taż-żwiemel finalisti se tkun immexxja mir-rebbieħ tas-sena l-oħra Urgah du Rib. Ir-rebbieħ ta’ din is-sena se jkun ġdid minħabba li r-rebbieħa preċedenti mhux qegħdin fil-finali.

In-numri tat-tluq kif ittellgħu

1. Upman, 2. Tallien, 3. Up and Go, 4. Sandsjons Revenue, 5. Axel Tilly, 6. Uno Dancer, 7. Ultra de Vindecy, 8. Un Carless Blue, 9. Un Amour du Pont, 10. I won’t Dance, 11. Uttingeois, 12. Paparazzi