Il-Partit Laburista qed juri biċ-ċar li mhux veru li hu l-aqwa żmien…jew tal-anqas għal min hu veru soċjalist. Stqarrija diretta mis-Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi, eks kandidat tal-PL, b’reazzjoni għar-riżenja tal-Kunsillier Laburista Lino Bartolo mill-Kunsill tal-Imsida. B’Azzopardi jtenni dak li kien qal ukoll fil-programm 10Q, fuq Net Television.
Permezz ta’ din ir-riżenja l-Partit Laburista tilef il-maġġoranza fil-Kunsill Lokali tal-Imsida. Dan wara li l-Kunsillier Lino Bartolo bagħat ittra lis-Segretarju tal-Kunsill biex jinfurmah b’dan.
Fid-dawl ta’ dan infatti s-Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi f’post fuq Facebook qal li qed jifhem minn xiex għadda Lino Bartolo.
Huwa qal li lil Lino ilu jafu bħala Kunsillieri ħabrieki, devot ta’ San Ġużepp. Huwa qal li ltaqa’ miegħu fil-Festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat, u hemm tkellmu fuq numru ta’ affarjiet li stqarr li aħjar jibqgħu bejniethom.
Fl-ittra, li nqrat fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali li nżammet it-Tnejn filgħaxija Bartolo qal li b’effett immedjat kien qed jirriżenja mill-Partit Laburista, iżda se jibqa’ jservi bħala Kunsillier Indipendenti.
S’issa għadu mhux magħruf x’wassal għal din id-deċiżjoni, għalkemm il-fatt li se jkompli jservi fil-Kunsill, jindika li r-raġuni mhix xi waħda personali jew ta’ saħħa.
Din ir-riżenja mhux biss ġabet stqarrija ċara mis-Sindku tar-Rabat iżda kienu bosta kummenti fuq Facebook li kritikaw il-Partit Soċjalista għall-mod kif qed jitratta lill-kandidati tiegħu.
//= $special ?>