Lokali Mużika

Ruth Portelli se tirrappreżenta lil Malta fid-Discovery International Pop Music Festival

Ruth Portelli, kantanta versatili mill-gżira t’Għawdex li riċentament għamlet ritorn ta’ suċċess fix-xena tal-mużika lokali wara xi ftit żmien lil hinn, daqt ssiefer lejn Varna, magħrufa bħala l-kapitali sajfija tal-Bulgarija. Hemm ħa tkun qed tirrapreżenta ‘l Malta fid-Discovery International Pop Music Festival b’żewġ kanzunetti: “Determinata”, kanzunetta oriġinali mill-pinna t’Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Scicluna; u “Think of Me”, kanzunetta meħudha mill-film tal-2004, Phantom of the Opera.

Fl-aħħar tnax-il xahar, Ruth ħadet sehem fl-Għanja tal-Poplu tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll produzzjoni lokali ta’ Joseph & the Amazing Technicolor Dreamcoat, u b’hekk tħossha preparata għal din l-esperjenza, l-ewwel darba fuq skala
internazzjonali. “Eċitata ħafna, imma kuntenta ħafna li ħa jkolli ċ-ċans li nimxi fuq il-passi t’artista bħal Janice Mangion… billi naqsam il-lingwa Maltija mal-udjenza Bulgara”.

Il-festival ta’ din is-sena ħa jseħħ bejn is-17 u d-19 ta’ Mejju. Ruth ħa tkun akkumpanjata ġewwa Varna mill-familja mmedjata tagħha kif ukoll il-maniġer u l-pubblikatur tagħha Marc Calleja Bayliss minn Ironic PR & Artist Management.