JUVENTUS……………………….. 1
W. Szczesny, M. De Sciglio (J. Cancelo 64’), D. Rugani, L. Bonucci, A. Sandro, M. Pjanic, E. Can, B. Matuidi, F. Bernardeschi (R. Bentancur 80’), P. Dybala (M. Kean 46’), C. Ronaldo
AJAX………………………………… 2
A. Onana, J. Veltman, M. de Ligt, D. Blind, N. Mazraoui (D. Sinkgraven 11’) (L. Magallan 82’), L. Schöne, F. de Jong, D. van de Beek, D. Neres, H. Ziyech (K. Huntelaar 88’, D. Tadic
Imwissija: E. Can 69’, C. Ronaldo 93’ (J)
Skorjaw: C. Ronaldo 28’ (J), D. van de Beek 34’, M. de Ligt 67’ (A)
Referee: Clement Turpin (Franza)
Gowl tad-difensur Matthijs de Ligt f’nofs it-tieni taqsima qatel it-tamiet ta’ Juventus li javvanzaw għas-semifinali hekk kif Ajax rebħu t-tieni leg 2-1 f’Turin u għaddew b’aggregate ta’ 3-2. Bla dubju li din l-eliminazzjoni hi disfatta għal Juventus li bl-akkwist ta’ Cristiano Ronaldo fis-sajf li għadda kienu qed jippuntaw aktar minn qatt qabel li jirbħu l-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-1996.
Ajax fuq in-naħa l-oħra għaddew għas-semifinali għall-ewwel darba mill-1997 u kkonfermaw il-potenzjal tagħhom b’rebħa oħra barra minn darhom wara li kienu eliminaw lil Real Madrid fir-rawnd preċedenti.
Juventus fetħu l-iskor fit-28 minuta b’korner mil-lemin ta’ Miralem Pjanic isib lil CRISTIANO RONALDO li waħdu fil-kaxxa għeleb lil Andre Onana b’daqqa ta’ ras. Il-gowl kien konfermat permezz tal-VAR wara protesti minn Ajax għal fawl fil-kaxxa.
Reazzjoni immedjata minn Ajax li ġabu d-draw fl-34 minuta b’xutt ta’ Hakim Ziyech jispiċċa għand DONNY VAN DE BEEK li għeleb in-nasba tal-offside u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Szczesny. Il-gowl kien ukoll konfermat bil-VAR wara dubji ta’ offside li iżda mir-ripetizzjoni ma kienx hemm dubju dwar l-azzjoni.
Ċans għal Ajax fit-52 minuta, b’David Neres iqassam tajjeb lejn Ziyech li prova b’xutt mill-kaxxa li kien salvat mill-gowlkiper Juventin. Sitt minuti wara, Szczesny dawwar f’korner xutt bid-dawra ta’ van de Beek.
L-Olandiżi reġgħu kienu perikolużi fit-63 minuta. Neres għadda lejn Tadic li daħal fil-kaxxa u fittex lil Ziyech iżda Pjanic kien providenzjali biex tajjar f’korner.
Ajax marru minn fuq meritatament fis-67 minuta, b’korner ta’ Lasse Schöne mil-lemin li sab lid-difensur MATTHIJS DE LIGT li għola bejn Alex Sandro u Daniele Rugani u għeleb lil Szczesny b’daqqa ta’ ras għar-rokna. Tliet minuti wara, free-kick ta’ Schöne għadda ftit barra.
Ir-reazzjoni ta’ Juventus kienet fqira hekk kif Ajax ikkontrollaw tajjeb, bit-tama ta’ Juventus tkompli tonqos aktar ma għadda ħin.
//= $special ?>