Lokali Saħħa Transport

Tobba jappellaw lill-Ministru għal “attenzjoni massima” u sigurtà waqt ix-xogħlijiet tat-toroq

L-għaqda Doctors for Road Safety (D4RS) qed jappellaw lill-Gvern biex jassigura sigurta’ massima waqt it-twettieq tax-xogħolijiet infrastrutturali li qed isiru f’daqqa f’diversi toroq madwar il-pajjiż – stqarrija li ħarġu dawn it-tobba fl-isfond taż-żewġ inċidenti traġiċi li kellna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

D4RS tenew li jridu assigurazzjoni li x-xogħlijiet fit-toroq qed isiru “bl-aqwa miżuri ta’ sigurta’ possibbli”.

Dawn it-tobba fakkru li pajjiżna fl-aħħar snin ma rnexxielux inaqqas l-ammont ta’ fatalitajiet f’inċidenti tat-traffiku. Anzi, jemmnu li l-miżuri li ttieħdu sa issa “ma kienux effettivi”.

Fi stqarrija, D4RS qalu li hemm bżonn infurzar aħjar mill-awtoritajiet, filwaqt li jeħtieġ illi l-Ministeru jistudja sew – anke b’mod xjentifiku – kif seħħew dawn l-inċidenti traġiċi. “Ir-riżultati imbgħad għandhom ikunu ppubblikati”.

It-tobba fl-istqarrija tagħhom qalu li kull fatalita’ fit-toroq tagħna hi vittma żejda. Filwaqt illi appellat biex jekk hemm bżonn jinbidlu anke ċertu liġijiet li jirregolaw is-sewqan.

Fi tmiem il-ġimgħa, f’żewġ inċidenti, tilfu ħajjithom tliet persuni – tfajla mietet f’Raħal Ġdid meta l-mutur li kienet passiġġiera fuqu skidja, filwaqt li omm u bintha tilfu ħajjithom traġikament wara ħabta head-on fi Triq Buqana fil-Mosta.