Il-plejer ta’ Sliema Wanderers Younez Marzouk rebaħ il-Plejer tax-Xahar għal Marzu. Marzouk spikka fix-xahar li għadda b’erba’ gowls fosthom wieħed importanti kontra l-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat. Marzouk kien irdoppja kontra l-Pawlisti fil-41 minuta bi kross indirizzat fil-lasta minn pożizzjoni angolata li spiċċa qabeż lil Marko Jovicic fuq it-tieni lasta.
Il-plejer offensiv skorja fil-logħba preċedenti kontra Mosta b’żewġ gowls minn tlieta ta’ Sliema. L-ewwel gowl wasal b’daqqa ta’ ras filwaqt li t-tieni wieħed wasal wara xutt qawwi. Marzouk skorja wkoll kontra Ħamrun b’xutt mill-isbaħ, f’logħba li kien rebaħ il-Plejer tal-logħba. Dan hu l-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna hekk kif jinsab b’self mingħand FC Lugano.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u l-Marketing tal-BOV ippreżenta t-trofew tal-Plejer tax-Xahar lil Marzouk. Hu għażel il-Creche tal-Ursolini biex jibbenefikaw mid-donazzjoni relatata mal-premju.