Futbol Sport

Ferdinando Apap jirbaħ il-GFA Plejer tax-Xahar għal Marzu

Il-captain ta’ Victoria Hotspurs Ferdinando Apap hu l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Marzu. Matul ix-xahar li għadda, Apap kien strumentali biex Victoria Hotspurs żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika hekk kif rebħu l-erba’ logħbiet tagħhom.

Iċ-champions Għawdxin temmew it-tieni rawnd b’żewġ rebħiet fuq Munxar 2-0 u fuq Għajnsielem 5-1. Fl-ewwel partita tat-tielet rawnd, Victoria Hotspurs għelbu lil Munxar 8-0, b’Ferdinando Apap jiftaħ l-iskor għat-tim tiegħu. Victoria rebħu wkoll 2-1 fuq Kerċem Ajax, b’Apap ikollu partita tajba.

Apap li għandu 27 sena, imexxi d-difiża tat-tim tiegħu iżda kapaċi jkun perikoluż fl-attakk minn azzjonijiet ta’ free-kicks u korner. Dan intwera aktar biċ-ċar hekk kif Victoria Hotspurs kienu qed jilagħbu bit-tieni gowlkiper tagħhom.

L-Uffiċjal Kap tal-BOV Horace Laudi ppreżenta t-trofew lil Ferdinando Apap li għażel lil Dar Bjorn biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.