Futbol Sport

Ferħa bla temma għal Man City minħabba l-VAR … Tottenham fis-semifinali għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

MANCHESTER CITY………. 4

Ederson, K. Walker, V. Kompany, A. Laporte, B. Mendy (L. Sane 84’), I. Gündogan, K. De Bruyne, D. Silva (Fernandinho 63’), B. Silva, R. Sterling, S. Aguero

TOTTENHAM…………………. 3

H. Lloris, K. Trippier, T. Alderweireld, J. Vertonghen, D. Rose (D. Sanchez 91’), M. Sissoko (F. Llorente 41’), V. Wanyama, C. Eriksen, D. Alli, L. Moura (B. Davies 82’), H. Min Son

Imwissija: M. Sissoko 41’, H. Min Son 48’, D. Rose 54’, V. Wanyama 77’ (T)

Skorjaw: R. Sterling 5’, 21’, B. Silva 11’, S. Aguero 59’ (M), H. Min Son 8’, 10’, F. Llorente 74’ (T)

Referee: Cuneyt Cakir (Turkija)

F’logħba emozzjonanti, Tottenham kisbu kwalifikazzjoni storika meta għaddew għall-ewwel darba għas-semifinali tal-UEFA Champions League. Huma għaddew bil-gowls li skorjaw barra minn darhom wara aggregate ta’ 4-4, f’lejla indimentikabbli fl-Etihad Stadium.

Manchester City kellhom ferħa bla temma wara li skorjaw dak li ħasbu li se jkun il-gowl ta’ kwalifikazzjoni fil-ħin miżjud, liema gowl kien imħassar ftit wara għal offside.

Il-logħba kellha ftuħ inkredibbli b’ħames gowls fl-ewwel nofs tal-logħba. Kienu Manchester City li fetħu l-iskor wara ħames minuti meta De Bruyne qassam fuq ix-xellug lejn RAHEEM STERLING li ġibed għan-nofs u b’xutt għar-rokna għeleb lil Hugo Lloris.

Ħafna ħasbu li City se jkunu qed jiddominaw il-logħba iżda Tottenham kellhom ħsibijiet għaliex ġabu d-draw tliet minuti wara. Il-passaġġ ta’ Dele Alli kien blokkat parzjalment minn Aymeric Laporte, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ HEUNG-MIN SON li b’xutt fil-baxx għadda l-ballun taħt saqajn Ederson. Tottenham saħansitra marru minn fuq ftit sekondi wara b’kontrattakk li fih mil-lemin Lucas Moura qassam lejn Christian Eriksen li kompla lejn HEUNG-MIN SON li skorja b’xutt għar-rokna.

Manchester City għamlu l-iskor 2-2 fit-12-il minuta b’Sergio Aguero jiftaħ fuq il-lemin lejn BERNARDO SILVA li kellu x-xutt imxellef minn Danny Rose u qarraq b’Hugo Lloris u daħal fix-xibka. Iċ-champions Ingliżi reġgħu marru fil-vantaġġ fil-21 minuta bi kross mil-lemin ta’ Kevin De Bruyne li għadda tul il-lasta lejn RAHEEM STERLING li kompla għal ġewwa.

Fit-tieni taqsima, Manchester City żiedu l-pressjoni biex ikabbru l-vantaġġ. Fil-51 minuta, Lloris salva parzjalment fuq Sterling, b’Danny Rose jimblokka fil-ħin għal korner fuq Bernardo Silva.

Tliet minuti wara l-gowlkiper Franċiż reġa’ kien strumentali biex dawwar f’korner xutt ta’ Kevin De Bruyne. Manchester City għamluhom 4-2 mas-siegħa logħob meta De Bruyne għadda ‘l quddiem lejn SERGIO AGUERO li b’xutt b’saħħtu min-naħa leminija tal-kaxxa, ma tax ċans lil Lloris.

Tottenham skorjaw il-gowl li spiċċa biex fisser kwalifikazzjoni. Kien korner mix-xellug, bil-ballun jgħaddi bejn diversi plejers, bis-sostitut FERNANDO LLORENTE jolqot b’xi mod il-ballun u spiċċa fix-xibka. Il-plejers ta’ Manchester City ipprotestaw li l-attakkant mess il-ballun b’idu, iżda wara li ra l-azzjoni r-referee Cuneyt Cakir ikkonvalida l-gowl minħabba li Llorente mess il-ballun b’ġenbu.

City reġgħu żiedu l-pressjoni u fost l-okkażjonijiet li kellhom, Gündogan ra x-xutt tiegħu mill-viċin jgħaddi għoli. Fit-93 minuta seħħet l-azzjoni importanti tal-logħba. Eriksen ta passaġġ ħażin lura li ħabat ma’ Bernardo Silva u spiċċa għand Aguero.

L-Arġentin tefa’ kross fil-baxx lejn Raheem Sterling li ċċentra ruħu u b’xutt fil-baxx tefa’ l-partitarji tiegħu f’dellirju ta’ ferħ. Dan sakemm Cakir ikkonsulta mal-VAR u ħassar il-gowl għal offside ta’ Aguero. Tmiem eċċitanti li spiċċa biex ħalla diżappunt fuq il-partitarji, plejers u staff tekniku ta’ Manchester City u ferħ għal Tottenham li kienu raw il-kwalifikazzjoni taħrab minn idejhom.