Lokali Qorti

Fil-kustodja tal-Pulizija u jerġa’ jitressaq il-Qorti fuq aktar serq

Raġel ta’ 32 sena, li jinsab fil-kustodja tal-Pulizija minħabba għadd ta’ serqiet, reġa’ tressaq il-Qorti b’akkużi addizzjonali, wara li l-lokaliżazzjoni tal-mobajl tiegħu qabditu f’reat ieħor ta’ serq.

Matthew Camilleri, li jaħdem bħala aġent tal-propjeta’ tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, mixli b’serq aggravat ta’ flus kontanti, ġojjelli u oġġetti oħra minn appartament li jinsab f’Ħ’Attard. Il-każ seħħ fi Frar li għadda.  

L-Ispettur Mario Xiberras spjega kif CCTV mill-inħawi tar-residenza misruqa wriet lil Camilleri joħroġ waħdu minn karozza SUV u beda jħares lejn vetrina ta’ ħanut, qabel ma’ daħal f’residenza u li dam fiha madwar 20 minuta.

Ingħad li l-vittmi tas-serqa raw lill-akkużat kemm il-darba f’dawk l-inħawi, qal l-Ispettur.

Aktar minn hekk id-data tal-mobajl uriet li huwa kien fejn l-appartament waqt il-ħin tar-reat. Camilleri wieġeb li mhux ħati iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest u dan minħabba proċeduri oħra pendenti li għandu, fejn huwa qed jiġi mixli, b’mhux anqas minn 27 offiża oħra.  

Huwa għal dawn ir-raġunijiet li għadu fil-kustodja tal-Pulizija. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għall-akkużat filwaqt li l-Ispetturi Mario Xiberras u Christina Delia ressqu lil Camilleri.