Lokali

Ħaddiema tal-Ground Handling imġegħla jaħdmu b’kundizzjonijiet diffiċli

Ħaddiema tas-sezzjoni l-ġdida responsabbli mill-Ground Handling, l-Air Malta Aviation Services huma rrabbjati ferm għal mod kif qed jiġu ttrattati mit-tmexxija tal-kumpanija. Din il-kumpanija l-ġdida jidher li twaqqfet biex tieħu fuqha piżijiet tal-Air Malta, ħalli finalment ir-rapport finanzjarju tal-Air Malta juri qligħ.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-ħaddiema f’din is-sezzjoni qed ikun mġegħla jaħdmu shifts iebsa ferm.

L-istess sorsi qalulna li persuna magħrufa li kienet Shop Steward fi żmien l-eks Ministru Socjalista Lorry Sant, u li issa għandu grad ta’ manager fil-kumpanija, kemm-il darba jgħaddi botti lill-ħaddiema urtati u li jkunu qed jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni fuq il-post tax-xogħol, li jekk iddejqu jistgħu jitilqu.

Dawn il-ħaddiema qed jingħataw shifts li lanqas biss josservaw il-perjodu ta’ mistrieħ mitlub bil-liġi ta’ 11-il siegħa u qed ikollhom jidħlu saħansitra għal shifts ta’ 4 sigħat filgħodu, biex imbagħad jerġgħu jidħlu għal shift ta’ 4 sigħat oħra filgħaxija.

Il-Ministru Konrad Mizzi ftit taż-żmien ilu kien ftaħar bil-family friendly measures li qed taddotta l-kumpanija, iżda żgur li fil-mod kif qed jitħaddmu dawn il-ħaddiema mhemm xejn family friendluy.

Ħaddiema fil-Passenger Handling Services ukoll qed ikollhom jaqsmu shifts f’ġurnata waħda. Wieħed minn dawn ix-shifts jibda fit-3.30am sat-8.30am, imbagħad ikompli mit-3.00pm sat-8.30pm.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ Net News qalulna li mhu qed isibu l-ebda sostenn mill-Union li tirrappreżentahom, jiġifieri il-General Workers Union, u qalu li ħafna drabi meta jitkellmu mal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-Union joqgħodu jduru mal-lewża, u fil-verità ma jsir xejn konkret mill-Union biex tittranġa s-sitwazzjoni.