Lokali Parlament

Hemm bżonn ta’ soluzzjoni mhux biss “long term” imma anke “short term”

Id-Deputat Nazzjonalista David Stellini qal li ma hemmx bżonn biss ta’ soluzzjoni “long term” fejn għandu x’jaqsam il-konnettivita’ bejn Malta u Għawdex. Hemm ukoll bżonn qawwi ta’ soluzzjoni “short term”. Kull min jaqsam kuljum bejn iż-żewġ Gżejjer jaf minn xhiex jgħaddi.

Meta kien qed jitkellem dwar il-mozzjoni ta’ bini ta’ mina bejn Għawdex u Malta, Stellini beda biex irringrazzja lil sieħbu d-Deputat Għawdxi Chris Said, li beda dan il-proċess biex tinbena mina. Qal li huwa qed jifraħ ukoll lill-Gvern li kompla fuq din l-idea, u li b’rieda politika se jmexxi ‘l quddiem dan il-proġett.

Stellini qal li beda’ jaċċetta l-argument li Għawdex qed imut ftit ftit. Koppji żgħar qed jitilqu minn Għawdex biex jaħdmu Malta u fost dawn hemm ġenituri li jrabbu t-tfal, u hemm ukoll dawk li qed jaraw lit-tfal tagħhom jitilqu.

Il-kelliem qal li hemm bżonn li naċċettaw li Għawdex mhuwiex biss destinazzjoni turistika, imma post fejn jgħixu n-nies bil-problemi kollha tagħhom. Qal li hija xi ħaġa ovvja li f’Malta qed jiżdied it-traffiku, anke minħabba n-numru kbir ta’ barranin li qegħdin jiġu, u għalhekk irridu naraw x’se jkunu s-soluzzjonijiet.

Il-kelliem qal li l-Għaqda ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta kemm il-darba titkellem dwar il-problemi Għawdxin, li hawn madwar 6,000 minnhom. Dawn ħarġu stqarrija, wkoll fis-sens li jaqblu li għandu jkun hawn tip ta’ metro bejn iż-żewġ Gżejjer, jew il-possibilita’ ta’ “light train”.

Stellini qal li ma jistax ikun li jekk titlef il-vapur, tagħmel tliet kwarti oħra tistenna, biex taqbad ta’ wara biex imbagħad fil-“peak hours” tasal Malta u ssib ħafna traffiku. L-Għawdxi għandu żewġ sfidi, l-ewwel l-vapur u wara kif taqbad it-toroq Maltin.

Il-kelliem qal li hemm bżonn immedjat tar-raba’ vapur, għax dan l-aħħar, wieġed kien bil-ħsara u ieħor kellu xi ħaġa fir-rampa, u spiċċa jaħdem vapur wieħed. Tenna li hemm il-ħtieġa ta’ fast ferry service u vapur tal-merkanzija li jibqa’ sejjer il-Marsa.

Finalment il-kelliem qal li għandna ninsistu biex l-istudji kollha dwar din il-mina għandhom jiġu pubblikati. Tkellem dwar l-importanza tal-problemi sismiċi u oħrajn biex l-affarijiet isiru sew.