Lokali

Iktar irħula fil-miri tal-ħallelin

Id-dar suppost li hija r-refuġju ta’ dak li jkun. Li tidhol u ssib taqlib kullimkien, u tinduna li jkunu daħlulek, hija xi ħaġa kerha ferm. Esperjenza li f’pajjiżna sfortunatament qed jgħaddu minnha aktar u aktar familji, f’lokalitajiet differenti f’Malta.

Infatti Net News fl-aħħar ġimgħat kien ikkuntattjat minn għadd kbir ta’ persuni li għaddew minn din it-trawma, fosthom persuni mir-Rabat, Marsaxlokk, il-Gżira, iż-Żejtun,Tas Sliema, u aktar.

Fl-aħħar jiem, dan l-istazzjon irċieva informazzjoni dwar mewġa oħra ta’ serqiet fil-lokalità ta’ Ta Xbiex. Kif donnu saret ix-xejra tas-serq f’pajjiżna, persuni daħlu fi blokka ta’ appartamenti u sgassaw żewġ appartamenti fl-istess binja.

Familji li sfaw vittmi ta’ dawn il-ħallelin tkellmu dwar il-qatgħa kbira li ħadu hekk kif daħlu fl-appartament tagħhom u sabu ħerba sħiħa, dar imqallba, għamara vandalizzata, u flus u dehbijiet misruqa.

L-istess sorsi qalulna li fl-aħħar jiem, appartamenti oħra fiz-zona tal-madwar kienu diġa’ sfaw fil-mira ta’ ħallelin.

Dawn kienu l-aħħar minn sensiela ta’ serqiet f’lokalijtijet diversi, b’ħallelin li qed kull ma jmur jirfinaw il-metodoloġija tas-serq minn djar abitati u bir-riżultat li qed tiżdied iktar il-biża’ ta’ residenti fi bliet u rħula madwar Malta.