Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew b’vot finali u b’saħħtu favur il-liġi ta’ Metsola

L-MEP Roberta Metsola mal-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopoulos

Il-liġi li tipproteġi l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, li tmexxiet ‘il quddiem u ġiet innegozjata mill-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola, issa tista’ tibda tiġi implimentata wara li ngħatat approvazzjoni finali u b’saħħitha mill-Parlament Ewropew.

In-negozjati fuq din il-liġi saru fi żmien rekord ta’ sitt xhur, bl-MEP Roberta Metsola taħdem lejl u nhar biex il-miżuri l-ġodda jsiru liġi qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju. “Ma kienitx faċli biex nikkonvinċi l-gruppi politiċi l-oħra u l-Gvernijiet tal-UE biex jieqfu bir-retorika fuq l-immigrazzjoni u s-sigurtà, u jibdew jittieħdu d-deċiżjonijiet. Imma kkonvinċejna u rnexxielna. Meta ingħatajt l-inkarigu biex nikteb il-liġi l-ġdida dwar il-Gwardji tal-Kosta u l-Fruntieri Ewropej, ħadd ma basar li se naslu, imma llum, f’anqas minn sitt xhur, għandna ftehim b’saħħtu,” qalet l-MEP Metsola.

Il-liġi l-ġdida se tfisser żieda ta’ 10,000 gwardji tal-kosta u l-fruntieri Ewropej li se jassistu Stati Membri fuq numru ta’ affarijiet, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi ta’ immigrazzjoni, biex jiġġieldu l-kriminalità bejn il-fruntieri, kif ukoll biex jissaħħaħ u jsir aktar effiċjenti l-proċess biex persuni mingħajr id-dritt li jkunu fl-UE jintbagħtu lura, flimkien ma’ salvagwardji ġodda Ewropej. Il-Gvernijiet, inkluż dak ta’ Malta, diġà kienu approvaw il-ftehim preliminari x-xahar li għadda.

Matul in-negozjati, l-MEP Metsola nsistiet fuq prinċipju wieħed. “Jiena ridt liġi li hi ġusta ma’ dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni, b’saħħitha ma’ dawk li m’għandhomx, u ħarxa ma’ dawk li jippruvaw jieħdu vantaġġ minn min hu vulnerabbli. Nistgħu biss nindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà u l-immigrazzjoni jekk inżommu dan il-prinċipju f’moħħna,” qalet Metsola.

Waqt li kkonkludiet il-ħidma tagħha bħala Rapporter fuq din il-liġi, l-MEP Metsola qalet, “Minn meta ġejt eletta bħala rappreżentanta tal-poplu Malti u Għawdxin fil-Parlament Ewropew, jien żammejt kuntatt mill-viċin maċ-ċittadini, niltaqa’ magħhom kull ġimgħa. U ma’ kull persuna li niltaqa’ – kemm jekk ikunu ġenituri, studenti, pensjonanti u negozjanti – is-sigurtà dejjem tkun ta’ tħassib, u ridt li nagħmel xi ħaġa dwarha. Din il-liġi hi r-risposta tiegħi, tal-Grupp tal-PPE u tal-Parlament Ewropew għal dan it-tħassib.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mal-MEP Roberta Metsola, l-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Intern Dimitris Avramopoulos irringrazzja lill-MEP Metsola għall-ħidma tagħha fuq dan il-liġi importanti.

Din il-liġi se tittrasforma l-mod kif l-aġenzija tal-UE tindirizza l-fenomenu tal-immigrazzjoni, billi tassigura 10,000 gwardjan tal-fruntiera ġdid, ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità, tipproteġi d-drittijiet fundamentali u tgħin fil-proċess biex dawk li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni jintbagħtu lura b’mod sigur.

“Dan hu mument li jien, ġejja minn Malta u Għawdex, jagħmilni kburi – imma hu wkoll mument ta’ kburija għall-Ewropa. Iċ-ċittadini talbu r-riżultati, u aħna ġibnihom – fi żmien rekord,” temmet tgħid Metsola.