Lokali

Il-Gvern Soċjalista falla fl-enerġija u fil-wegħda ewlenija tiegħu li jraħħas il-kontijiet tad-dawl

Il-familji Maltin u Għawdxin għadhom qegħdin jinsterqu għad-dawl u l-ilma li jużaw meta taħt il-Gvern Soċjalista jirċievu kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin u aktar spissi. Skont rapport tal-Gvern stess, il-kontijiet se jerġgħu jogħlew meta jintemmu l-ftehimiet għall-gass, bil-kontra tal-wegħda li għamel fl-2013 li jraħħashom.

Il-PN irid li dan is-serq jintemm illum u jekk dan ma jsirx ikun Gvern Nazzjonalista li jwaqqaf din l-inġustizzja. Hekk qalu l-Viċi Kap tal-PN David Agius u l-Kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew Michael Briguglio waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.

David Agius qal li l-Partit Soċjalista kien tela’ bl-għajta li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u rabat dan ir-roħs mal-proġett tal-power station il-ġdida iżda joħroġ ċar li l-kontijiet raħsu għax raħas il-prezz internazzjonali tal-gass.

Dan meta l-proġett tat-tanker kien miżgħud b’nuqqasijiet kbar bħalma kkonkluda l-Awditur Ġenerali. Huwa qal li fil-mezzi soċjali ntefgħu mijiet ta’ kummenti dwar kontijiet tad-dawl li għolew f’daqqa, anke f’każijiet ta’ djar bil-panelli solari. Il-Partit Nazzjonalista rċieva mijiet ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma mingħand in-nies, b’uħud li jkollhom żball fil-kont ta’ €600 fuq medda ta’ sena.

David Agius qal li l-Gvern ħeba mill-Oppożizzjoni l-pjan nazzjonali tiegħu għall-enerġija u l-klima għall-2030. Skont dan ir-rapport, li kiteb il-Gvern Soċjalista stess, il-gvern tal-leġiżlatura li jmiss se jkollu jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għaliex fl-2022 jiskadu l-ftehimiet tal-hedging fuq il-gass li hemm fis-seħħ bħalissa. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li dan is-serq jieqaf u s-sistema tal-kontijiet titranġa biex il-familji jgawdu minn kontijiet korretti u ġusti. Jekk il-Gvern Soċjalista ma jagħmilx dan, se jkun Gvern Nazzjonalista ġdid li jwaqqaf din l-inġustizzja.

Michael Briguglio qal li l-PN qiegħed iressaq proposti biex jagħmel id-differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies. Huwa qal li l-PN diġa’ ħareġ proposti konkreti għat-tisħiħ u s-sostenibbilità tal-ambjent u fil-ġimgħat li ġejjin se jibqa’ jressaq aktar proposti konkreti għall-ħarsien tal-ambjent imma wkoll għas-settur tal-enerġija, b’alternattivi sostenibbli, effettivi, u favur l-ambjent. Fost dawn proposti b’rabta mat-tniġġis tal-ħoss u t-tniġġis tad-dawl.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Viċi Kap tal-PN u Kelliem tal-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma David Agius u l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio kien hemm preżenti wkoll il-Kandidat għall-elezzjoni lokali f’Tas-Sliema Anton Debono u l-Kandidat għall-elezzjoni lokali fl-Imsida Charles Selvaggi.