Lokali

“Is-Sengleani spiċċaw bi problema ta’ parkeġġ li ingħata lill-Università Ġordaniża” – Adrian Delia

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalitajiet ghamlu d-differenza filwaqt li l-Gvern qed jibqa’ jinjora l-karbiet tan-nies fl-bliet u l-irħula taghna.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel fil-lokalità tal-Isla.

Tul iż-żjara tiegħu Adrian Delia kellu ċ-ċans iżur għadd ta’ negozji kif ukoll jidħol fid-djar u jitkellem mar-residenti ta’ din il-belt fil-Kottonera.

Adrian Delia sema’ dwar l-isfidi tal-lokalità, fost l-oħrajn dik tal-ħmieġ fit-toroq xi ħaga li iddejaq ferm lis-Sengleani u li dwarha donnu mhu qed isir xejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar xogħlijiet fit-toroq li tħallew nost leħja, fosthom toroq li jgħaddu ħafna turisti minnhom u li jinsabu fi stat ta’ telqa kbira. Hu semma wkoll il-problem ta’ parkeġġ li kompliet tiżdied meta nsterqet art biex ingħatat lill-Università tal-Ġordaniżi, u li anke hawn kien kunsillier tal-Partit Nazzjonalista li waħdu għamel appell biex iżomm dan il-parkeġġ għar-residenti u n-negozji tal-Isla.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN kien hemm ukoll kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.