Internazzjonali

Is-Sudan: L-eks President Bashir trasferit għall-ħabs

L-eks President tas-Sudan, Omar al-Bashir, spiċċa trasferit lejn ħabs ta’ sigurta massima, b’dan il-pass ikun ikkonfermat wara li Bashir kien tneħħa mill-poter waqt kolp ta’ stat tal-Armata.

Bashir kien mexxa lis-Sudan għal 30 sena u l-folol tad-dimostranti Sudaniżi li għadhom jinsistu għal ‘bidla totali’ fit-tmexxija ta’ pajjiżhom għamluha ċara li huma se jkomplu bil-protesti fit-toroq sakemm isiru passi konkreti lejn amministrazzjoni ċivili.

Qabel it-trasferiment lejn il-ħabs ta’ Kobar, Bashir kien qed jinżamm taħt arrest fir-residenza presidenzjali – bir-rapporti, issa, jgħidu li hu għandu jkun ‘iżolat waħdu’ f’sezzjoni tal-ħabs filwaqt li jibqa’ suġġett għal għassa stretta.

It-tmiem ta’ Bashir bħala President seħħ wara xhur ta’ protesti fis-Sudan.

Intant, uffiċjali fil-Gvern tal-Uganda qalu li pajjiżhom għandu jikkunsidra li joffri kenn politiku lill-eks mexxej Sudaniż f’każ li hu japplika għaliha. Dan minkejja l-mandat għall-arrest nazzjonali għal Bashir li ħarġet il-Qorti Kriminali Internazzjonali — bl-eks President qed ikun akkużat dwar reati kontra l-bniedem fil-Punent ta’ Darfur ( reġjun tas-Sudan).