“Iż-żieda fil-popolazzjoni bla pjan fit-tul tal-Gvern Soċjalista mhuwiex mudell ekonomiku sostenibbli u qed joħloq problemi ġodda f’bosta setturi fosthom l-ambjent.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa’ ma’ delegazzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Dr Delia qal li hemm impatt ambjentali sinifikanti marbut mal-mudell ekonomiku tal-Gvern Soċjalista li huwa msejjes fuq tkabbir fil-popolazzjoni bl-importazzjoni tal-ħaddiema barranin. Dan meta d-densità tal-popolazzjoni f’pajjiżna hija l-akbar fl-Ewropa. Huwa qal li l-ippjanar mhux sostenibbli qed joħloq skart, li 80% minnu huwa skart tal-kostruzzjoni. Ir-rapport tal-Istat tal-Ambjent jikkonferma li irriċiklajna biss 7% tal-iskart kollu.
Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista għandu nuqqas ta’ ħeġġa li jinvesti fl-użu ta’ enerġija alternattiva bħax-xemx, ir-riħ u l-mewġ. Filwaqt li pajjiżna kien naqqas il-miri tal-ftehim ta’ Kyoto ninsabu ferm ‘il bogħod milli nilħqu dawn il-miri baxxi. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista nieda 16-il proposta konkreta għas-sostenibbilità tal-ambjent għaliex jinsab impenjat b’serjetà għall-ħarsien ambjentali.
Matul din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Marthese Portelli, l-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio, is-Sindku u kandidata għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit u l-Kandidata għall-elezzjoni lokali f’Marsaxlokk Janice Chetcuti. Id-delegazzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa kienet immexxija mill-President il-Professur Alex Torpiano.
//= $special ?>