Lokali

Jistqarr li ma tħalliex jikkontesta mal-PL minħabba konfoffa bejn il-Kunsillieri u l-Partit

Kienet il-konfoffa bejn il-Kunsillieri Laburisti mat-tmexxija tal-Partit innifsu li wasslet lill-eks Kunsillier Laburista fl-Imsida Lino Bartolo biex jippreżenta r-riżenja tiegħu minn Kunsillier f’isem il-Partit Laburista.

F’post fuq Facebook, Bartolo ddikjara dan għax qal li ħass li kellu jinforma lil dawk li sejjaħ bħala Misidjani ta’ rieda tajba għaliex fil-laqgħa tat-Tnejn li għadda għamel dan il-pass. Fil-fatt, dakinhar, hu ppreżenta ittra lis-Segretarju tal-Kunsill biex jinfurmah b’dan il-pass.

L-eks Kunsillier Laburista, li issa sar Kunsillier Indipendenti u mistenni jikkandita ruħu waħdu, qal li l-Partit Laburista ma ħalliehx joħroġ fi ħdanu mingħajr raġuni. Min-naħa l-oħra, hu indika l-konfoffa li saret kontra tiegħu mill-Kunsillieri Laburisti stess mad-direzzjoni tal-Partit.

Barra minhekk, qal li fil-Kunsill tal-Imsida, immexxi minn Sindku Laburista issa bla maġġoranza, hemm monopolju politiku minn uħud mill-Kunsilliera, li fi kliemu “għamlu l-Kunsill Misidjan tagħhom u tal-Partit”.

Jidher li Bartolo baqa’ mingħajr raġuni uffiċjali għaliex ma tħalliex jikkontesta f’isem il-Partit Laburista, tant li fil-post tiegħu, hu qal li se jibqa’ jitlob biex din ir-raġuni tingħatalu bil-miktub.

Bl-istess tonalità, hu kkummenta fil-post tal-eks Sindku Laburista tar-Rabat Charles Azzopardi, li wkoll esprima solidarjetà mal-eks Kunsillier Laburista fl-Imsida u qal li għal min hu verament Soċjalist, dan mhux l-aqwa żmien.

Għal dan il-kumment, Lino Bartolo wieġeb lil Charles Azzopardi li ma jafx għaliex għamlulu hekk u li l-aktar ħaġa li weġġgħetu hi li kienu sħabu stess li kissruh.

Fil-fatt, ir-relazzjoni bejn Lino Bartolo u l-kumplament tal-Kunsillieri Laburisti fl-Imsida qatt ma kienet mill-aqwa.

Sa mill-bidu tal-leġislatura, sitt snin ilu, Bartolo ngħata l-ġenb mill-Kunsillieri Laburisti l-oħra. Kien dan kollu li aktarx wassal lit-tmexxija tal-Partit Laburista biex iċċedi għall-pressjoni u ma taċċettax in-nomina ta’ Bartolo biex jerġa’ jikkontesta fi ħdanu.