Sport Sport Ieħor

Jurgen Azzopardi jirbaħ id-Demolition Derby għall-Karozzi ż-Żgħar għall-ewwel darba

(Ritratt: Mario Micallef)

Il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat edizzjoni oħra tad-Demolition Derby għall-Karozzi ż-Żgħar li kienet tagħmel parti mit-tmien attività mill-Kampjonat Autocross.

Għal din l-edizzjoni tad-Demolition Derby irreġistraw 54 kompetitur u sa lejliet l-attività 50 karozza għaddew mill-iskrutinju. L-attività kienet posposta mill-Ħadd 7 ta’ April għal ġimgħa wara, b’uffiċjal f’isem il-Kumitat Eżekuttiv javża li l-karozzi kollha għandhom jinżammu fil-Kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali sakemm issir l-attività.

Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kumitat biex jitneħħa kull dubju li xi vetturi jiġu modifikati jew isiru xi affarijiet kontra r-regolamenti wara li jkun għaddew mill-eżami. Il-karozzi kienu mgħassa b’sistema CCTV. Tmien kompetituri ħarġu l-karozzi tagħhom wara li allegaw li kienu se jintmessu l-karozzi tal-kompetizzjoni minn terzi persuni.

Id-Demolition Derby damet 40 minuta ta’ ħbit ikkontrollat. L-ewwel karozza ġiet abbandunata wara 10 minuti u fl-aħħar kwarta kien hemm taqtigħa bejn Kyran Mascari fuq Kia Pride, Larkin Butler fuq Ford Fiesta u Jurgen Azzopardi fuq Peugeot 205. Mascari kien eliminat wara li l-karozza ma kinitx qed timxi għalkemm il-magna kienet qed taħdem.

Il-finali kienet kontestata minn Azzopardi u Butler, b’tal-ewwel ikompli minkejja ħsarat estensivi fil-karozza. Butler kellu l-karozza li bdiet tieħu n-nar li iżda ġie kkontrollat fi ftit sekondi. Hu rnexxielu jerġa’ jistartja l-karozza iżda reġgħet ħadet in-nar u kellu jirtira.

Id-Demolition Derby li jmiss se tkun il-Van Demolition Derby li mistenni ssir f’Lulju li ġej. Fil-preżent teżisti wkoll possibbiltà li ssir Demolition Derby oħra għan-nisa.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġni ta’ facebook ASMK, b’email fuq info@asmk.org.mt, jew fuq 99425489.

Tags