Lokali Qorti

Mara tispiċċa l-ħabs fuq theddid u insulti lejn missier uliedha

Mara spiċċat il-ħabs wara li b’mod persistenti użat kliem ta’ theddid u insulentat lil missier it-tfal tagħha. Enas Sobhy Zaky Attia Casha ġiet mixlija b’theddid u li anke għamlet rapport falz mal-Pulizija.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semgħet il-provi fejn ingħad li wara li għamlet theddid, hija għamlet rapport lill-Pulizija fejn saħansitra qalet li dan stupraha.

Dan il-każ qed jinstema’ bil-biebin magħluqa, iżda huwa wieħed mill-aktar minn 100 ilment li hija għamlet kontra r-raġel fi spazju ta’ ftit snin, u li b’mod konsistenti huwa dejjem instab innoċenti, qal l-Avukat tar-raġel.

Huwa għandu żewġt ibniet li ma jistax jara minħabba rapport kontinwi li qegħdin isiru minn naħa tal-mara, allegatament rapporti li huma foloz fuq informazzjoni li hija tagħti lill-Qorti, qal l-Avukat Jason Grima.

L-Avukat talab lill-Qorti biex il-klijent tiegħu jingħata garanzija li jgħix fil-paċi minn din il-mara u li dan it-tip ta’ “harassment” jieqaf. Casha f’ħin minnhom bdiet tgħaddi wkoll xi kummenti dispreġġattivi, bil-Qorti twaqqafha

Il-Qorti qalet li hija emmnet ix-xhieda tal- parte civile li xehed ukoll fejn qal lill-Pulizija li wara l-inċident inkwistjoni hija qaltlu “bħal ma tfajtek il-ħabs bir-rapporti foloz, nerġa’ nitfak il-ħabs”, dan qabel ma bdiet toffendih bla limitu.

Il-Maġistrat Mifsud qal li dawn l-inċidenti jridu jiefqu darba għal dejjem, u għax dawn qegħdin jaħlu ż-żmien tal-Pulizija u r-riżorsi tal-Qorti. Wara li nstabet ħatja tal-akkużi ta’ theddid, il-Maġistrat Mifsud ikkundannaha xahar ħabs u ordnala biex ma tersaqx lejn missier uliedha fuq garanzija ta’ €2000.  

Anke meta ngħatat is-sentenza, hija reġgħet bdiet tipprotesta u tgħid li ma għamlet xejn ħażin u li s-sentenza mogħtija kienet inġustizzja. Il-Maġistrat ta struzzjonijiet lil mara biex tiffrma il-ktieb li jfisser is-sospensjoni tas-sentenza sakemm il-każ jinqata’ fl-appell, imma hi rrifjutat u kompliet targumenta.

Hija nbagħtet ukoll 15-il ġurnata detenzjoni minħabba dak li għamlet fil-Qorti, bl-istess Qorti tordna biex din tiġi eskortata lejn il-“lock up” minħabba li s-sentenza kienet waħda finali.

Il-mara wara skużat ruħha lill-Qorti, u qalet li ma kienitx qed tifhem x’kien qed jiġri. Il-Qorti rrevokat il-piena fuq dak li għamlet fl-awla, iżda mhux is-sentenza oriġinali tal-ħabs. L-Avukat Leslie Cuschieri deher għal Casha filwaqt li l-Avukat  Jason Grima appeared parte civile for the victim.