Lokali Qorti

Mixli se seraq €16,000 minn karozza pparkjata

Raġel ta’ 39 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li seraq €16,000 fi flus kontanti minn karozza li kienet ipparkjata f’Santa Venera. Josef Farrugia mill-Ħamrun ġie mixli b’serq aggravat li seħħ nhar it-Tnejn li għadda.

Is-serqa saret minn  Triq il Kbira, San Ġużepp f’St. Venera għall-ħabta tal-5 pm. Farrugia, li għandu kondotta kulurita, wieġeb mhux ħati tal-akkuża u talab biex jingħata l-pleġġ.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba, u dan minħabba li l-Pulizija jafu ma’ min qiegħed kompliċi l-akkużat li għadu jiġri barra. L-Avukat ta’ Farrugia, Jason Grima qal li l-provi diġa jinsabu preservati f’inkjesta Maġisterjali u li l-akkużat għandu jwieġeb biss fuq għemilu, u mhux fuq xi ħaġa li ħadd ieħor għamel ħaddieħor ħażin.

Ingħad ukoll li Farrugia ħareġ mill-ħabs sena u nofs ilu wara li għamel hemm 14-il sena. Huwa għandu wkoll problema ta’ droga u għandu bżonn l-għajnuna, kompla jgħid l-avukat tiegħu, li ssuġerixxa ordni ta’ trattament, jekk huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest.  

Il-Qorti pero, osservat ir-rekord kriminali voluminuż, u dan ma tantx jgħin jew jagħti serħan il-moħħ, u għalhekk ġie deċiż li se jinżamm arrestat. L-Ispetturi Stacy Attard u Mario Xiberras mexxew il-Prosekuzzjoni.