Lokali Qorti

Uffiċjal irtirat tad-dwana ħati ta’ tixħim

Uffiċjal tad-dwana rtirat, li għandu 64 sena, minn Ħaż-Żebbuġ, ċertu Philip Grech ammetta li aċċetta tixħim minn raġel Libjan fil-forma ta’ xorb ħelu, li stranament mhuwa xejn pjaċevoli. Bħala tpattija Grech kien jagħtih aċċess għal inħawi ristretti tas-sezzjoni tal-merkanzija tal-ajruport, u dan fis-sena 2013.

Waqt kawża fl-2016, il-Prosekutur tal-każ, dak iż-żmien l-Ispettur Jonathan Ferris kien xehed quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn spjega kif fil-25 ta’ Settembru, 2013 huwa kien infurmat li persuna Libjana kienet qed tiġi osservata tingħata aċċess minn uffiċjali tad-dwana biex dan ikun jista’ jidħol fil-parti ristretta tal-ajruport, fosthom fil-“housing and luggage conveyor belt area”.

Il-Libjan, Jamal Mesdah Basher Al Gazale, inqabad fuq is- CCTV fil-fatt jieħu diversi kaxxi mill-“conveyor belt”. Huwa ma kienx qed jitwqaf mill-uffiċjali tad-dwana li kienu jkunu xogħol.  

L-Ispettur Ferris kien spjega li l-bieb għal kamra ma kienx ikun jista’ jinfetaħ minn barra, imma ried jinfetaħ minn ġewwa permezz “sensor”. Il-filmati wrew lil Al Gazale akkumpanjat minn uffiċjal tad-dwana, li skond l-Ispettur Ferris assista lil Libjan biex jgħabbi 12-il kaxxa fuq trolley. Huwa ġie assistit mill-uffiċjal li kien xogħol dak inhar, qal l-Ispettur.

Il-kaxxa mitlufa nstabet fl-uffiċju ta’ Grech, ingħad fil-Qorti. Sadanittant Philip Grech qal lill-Ispettur Ferris li x-xorb ħelu kienu ħżiena ħafna u kienu qegħdin jintużaw fi żmien ir-Ramadan, biex dak li jkun jieħu suppliment għan-nuuqas tiegħu. Huwa allegatament kien aċċetta dan kollu bħala ħlas fuq kortesija minn Al Gazale, wara li ħallih imur f’ċertu postijiet.

Minkejja li fil-bidu, Grech kien qal li hu mhux ħarti, fi Frar li għadda huwa bidel il-verjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li kienet qed tieħu nkonsiderazzjoni tan-natura tal-akkużi, l-fatt li ammetta tard fil-proċeduri u l-fatt li r-reat kien sar fl-2013.

Il-Qorti qalet li r-rekord kriminali tiegħu mhux ta’ min jinkwieta fuqu, u li kienet qed tieħu inkunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal tal-probation.

Il-Qorti sabitu ħati fuq ammissjoni tiegħu stess, u ġie ordnat biex isegwi programm ta’ 65 siegħa xogħol fil-kommunita’ u interdizzjoni perpetwa, li ma tħallihx li jkollu xi kariga mal-Gvern jew impieg. Huwa kien ordnat ukoll iħallas €742 bħala spejjeż tal-Qorti. L-Ispettur Anne Marie Xuereb mexxiet il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti kien l-Avukat difensur.