Wara li fl-aħħar jiem, l-għaqda Doctors for Road Safety appellat lill-Gvern biex iħares l-aqwa standards ta’ sigurtà waqt li jkunu qed jinbnew it-toroq…u wara l-inċident traġiku fi Triq Buqana li sewa l-ħajja ta’ omm u bintha…qed ikompli jikber it-tħassib minn numru ta’ sewwieqa li ta’ kuljum qed isibu ma’ wiċċhom barrikati, toroq b’dawl mitfi, u zoni li litteralment saru sit ta’ kostruzzjoni.
Filfatt ħafna huma mħassba li jista’ jseħħ inċident ieħor kbir bejn San Ġwann u n-Naxxar… fi Triq il-Balal. Dan għaliex il-karreġġati ta’ din it-triq qed ikunu mibdula kontinwament b’detriment għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq, u li jinsabu f’sogru akbar li jkunu involuti f’inċident tat-traffiku – dan għaliex hafna drabi ma jkunux mgħarrfa bit-tibdil li jkun sar, u d-diversions li jinbidlu minn ġurnata għall-oħra.
Wara l-inċident tal-Mosta, ISSA f’Tal-Balal tpoġġew barriers tal-konkos minflok dawk tal-plastik li kienu ilhom hemm għal diversi xhur.

Wieħed mal-ewwel jinnota li fit-triq li tagħti għar-roundabout tal-Balal hemm dlam ċappa. U dan qed itellef lil bosta sewwieqa….filwaqt li s-sinjali tat-traffiku li hemm mar-roundabout mhux qed ikunu ta’ għajnuna.
Diversi sewwieqa ilmentaw ukoll li hemm nuqqas ta’ infurzar min-naħa tal-Pulizija li jikkontrollaw it-traffiku, b’nies li tkellmu maghna jinsistu li “anke hawn ghad nisimghu b’xi wahda kbira”.
Dawn ix-xoghlijiet ilhom għaddejin mis-Sajf li għadda. Suppost illi tlestew qabel il-bidu tas-sena skolastika, iżda d-deadline inqabżet. Imbagħad sippost tlestew f’Novembru; anke dan it-target inqabeż. U wara, il-Ministru Ian Borg kien qal li se jitlestew sal-bidu tas-sena; iżda żgarra wkoll…biex issa dħalna f’April u x-xgħolijiet għadhom nofs leħja.

