Lokali

Eli rilaxxat mill-isptar iżda l-bużnanna għadha fl-ITU

Aħbar tajba qalb it-traġedja li ħasdet ħajjet Graziella u Fallon Mallia. Dan hekk kif Eli, iben Fallon, ġie rilaxxat mill-isptar Mater Dei, fejn kien ilu sa mill-Ħadd li għadda.

Għadha rikoverata Lucy, il-bużnanna ta’ Eli, li tiġi wkoll omm Graziella u n-nanna ta’ Fallon. Lejliet il-funeral, li sar ilbieraħ, hi ġiet operata b’suċċess minħabba l-ġrieħi li ġarrbet.

Ilbieraħ, wara l-aħħar tislima liż-żewġ vittmi Żabbarin, oħt Fallon, Andònia ddikjarat li ma tafx kif se tgħix ħajjitha iżda wegħdet li se tibqa’ tieħu ħsieb lil Eli bl-għożża u mħabba li kienu jagħmlu huma.

Stqarret li tinsab ċerta li Graziella u Fallon se jibqgħu preżenti biex jgħinu lilha u lil George, li fit-traġedja tilef kemm lil martu għal 35 sena kif ukoll lil waħda minn uliedu.

“Ħarsu kemm lili u kemm lil Andònia sabiex nibqgħu unjoni u nrabbu bejnietna lil dak l-anġlu li intom fdajtulna f’idejna,” stqarr George.