Il-Ħamis, biċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka, jingħata bidu għat-tridu tal-Għid, it-tlett ijiem li jħejju lill-Insara għall-iktar festa importanti tal-Insara – il-qawiem ta’ Sidna Ġesu Kristu fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt.
Ħamis ix-Xirka hu l-jum li jfakkar l-Ewkaristija u tas-saċerdozju … u propju għalhekk, li l-jum beda bil-Quddiesa magħrufa bħala taż-Żjut fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.

Kurja –
knisja.mt/ritratti
Quddiem għexieren ta’ qassisin, l-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva lis-saċerdoti bħala l-qaddejja tal-Mulej, magħżula b’mod preferenzjali biex jaqdu lill-poplu t’Alla.
Appellalhom biex ma jużawx lill-Knisja u d-duttrina tagħha biex iwaddbu l-ġebel, iżda jużaw il-privileġġ ta’ magħżula tal-Mulej biex iwasslu l-kelma tiegħu.
Fl-istess funzjoni, tbierku wkoll iż-żjut tal-morda u tal-katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż-żejt tal-griżma li jibqa’ jintuża fis-sagramenti matul is-sena.
Anke f’Għawdex saret iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żjut immexxija minn Mons Isqof Mario Grech.
