Lokali

“Il-PN dejjem emmen fil-potenzjal tal-Kottonera” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem investa fil-Kottonera u wettaq proġetti kbar. Iżda issa dawn iż-żoni sfortunatament ġew minsija mill-Gvern Soċjalista.

Dan kien kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi żjara li għamel fil-Belt ta’ Bormla hekk kif iltaqa’ mar-residenti, kif ukoll mal-komunità kummerċjali tal-lokal.

Huwa qal li Gvern Nazzjonalista investa bil-kbir f’din iż-żona fosthom;

  • Id-Dar tal-Anzjani
  • Il-Kumpless Sportiv
  • Il-marina tal-Birgu li minn post ta’ abbandun u abbuż, illum spiċċa post primarju ta’ divertiment
  • Ir-restawr tas-Swar
  • Il-bini ta Housing Soċjali kif ukoll żoni oħra li nbidlu f’bini ġdid u dinjituż għall-familji tagħna.

Huwa fakkar li dan il-Gvern Siċjalista ghadu sal-lum ma għamel l-ebda żvilupp ta’ post wieħed tal-housing, dan filwaqt li  l-familji Maltin baqgħu jistennew li jkollhom saqaf sikur fuq rashom.  

Adrian Delia qal li l-Ġnien tal-Kottonera li jinsab mitluq u li tant proġetti oħra ta’ fejda għar-residenti tal-kottonera ġew imwarba u injorati.

Matul l-istess għodwa wara iż-żjarat fil-Kottonera, Adrian Delia sab il-ħin ukoll jara d-dramm b’rabta mal-passjoni imtella’ mill-Każin Banda San Ġorġ Bormla.

Aktar tard, żar wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa ġewwa l-Kalkara – wijra ta’ statwi u mejda tal-Appostli, bi statwi maħduma minn Dione Spiteri, wirja armata f’dar privata u ilha għal madwar 19-il sena tintrama.

Kien hawn fejn Adrian Delia ltaqa’ ma’ tifel partikolari li qasam miegħu l-ħolm li għandu f’ħajtu.

Adrian Delia qal li din is-sengħa u din l-imħabba lejn Malta tagħna tawgura tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna.

Intant huwa fakkar kif għal Partit Nazzjonalista il-qasam socjali jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Li ħadd ma jibqa’ lura hija wegħda tal-PN li ilha hemm tul is-snin, meta fil-Gvern dejjem fittex li jimplimentaha.

Dan hu l-prinċipju tal-PN, u dan ser ikompli jkun il-mod kif il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jaħdem. In-nies se jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika Nazzjonalista, sostna  dan Adrian Delia.