Lokali

Illejla jsiru l-Mixgħela tas-Salib tal-Għolja u l-Mixgħela bil-Fjakkoli fis-Siġġiewi

Bħal kull sena llejla ssir il-mixgħela tas-Salib tal-Għolja.

Din l-attività toħodna lura għall-1993, propju is-sena meta grupp volontarju bl-isem ta’ ‘L-Akbar Ġrajja’, mmexija minn Nikol Baldacchino u Karmenu Vella, b’inizjattiva personali organizzaw l-ewwel edizzjoni tal-Mixgħela tas-Salib tal-Għolja.

Hekk kif din l-attivita’ ntlaqgħet tajjeb ħafna mas-Siġġiwin, Nikol Baldacchino involva numru sabiħ ta’ żgħażagħ mill-Każin Banda San Nikola, għal din l-organizzazzjoni. Ta’ kull sena din l-attività baqgħet issir, mill-voluntiera tal-Każin, fil-preparamenti meħtieġa biex jitlestu l-fjakkli madwar is-salib, u kif ukoll bl-għajnuna loġistika mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Il-Mixgħela tas-Salib, tilqa’ folol kbar ta’ nies mhux biss mis-Siġġiewi, iżda anke minn irħula oħrajn, hekk kif kisbet popolarità u hija meqjusa wkoll bħala attività nazzjonali. Din l-għolja li twassal għas-salib imponenti fis-Siġġiewi, hija xempju tal-vjaġġ iebes li għadda minnu Ġesù Kristu, fi triqtu lejn il-quċċata tal-Golgota.

Din is-sena bħas-snin li għaddew wieħed jista jsegwi programm b’marċi funebri mil-Banda ta’ San Nikola, xeni u wirjiet min diversi ghaqdiet

Illejla ssir ukoll il-Mixgħela bil-Fjakkoli fi Pjazza San Nikola. Din hi attività organizzata mill-grupp tal-armar 6 ta’ Diċembru fejn ilha ssir għal madwar 9 snin. Xogħol li jitlob ħafna preparamenti minn ferm qabel. Wara ħafna diskussjonijiet isiru l-fjakkli flimkien mal-isketches u l-pjanta bid-disinn li jkunu se jagħmlu. Illejla mistennija jkun hemm madwar 1000 fjakkola tixgħel fil-pjazza tas-Siġġiewi.

Se jkun offrut trasport kemm minn Pjazza San Nikola għas-Salib tal-Għolja, kif ukoll mis-Salib tal-Għolja għall-pjazza.