Lokali

Time jagħżel lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jikteb dwar il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku flimkien mal-Arċisqof ta' Malta Charles J. Scicluna

L-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna ntagħżel mir-rivista Time biex jikteb dwar il-Papa Franġisku.

Dan hekk kif, skont l-istess rivista rinomata, il-mexxej tal-Knisja Kattolika hu fost 100 persuna li l-iktar mistennija jkunu influwenti fl-2019.

Jingħad li l-ikbar fattur determinanti fl-għażla tal-Papa Franġisku hi d-determinazzjoni tiegħu li jkompli bil-ġlieda interna kontra membri tal-kleru li wettqu abbużi, inkluż dak sesswali … ġlieda li fiha l-Arċisqof Scicluna hu meqjus bħala l-id il-leminija tal-Papa.

L-Arċisqof Scicluna hu magħruf bħala ħabib u wieħed mill-persuni l-iktar fdati mill-Papa, inkluż f’każi sensittivi bħal investigazzjonijiet dwar abbużi sesswali fi ħdan il-Knisja.

Tant hu hekk li l-Arċisqof saħansitra kien fdat b’missjonijiet diffiċli fiċ-Ċilì. Fid-dawl ta’ dan, fl-artiklu fuq Time, l-Arċisqof Malti jiddeskrivi lill-Papa bħala figura riformista kontra l-abbuż mill-membri tal-kleru.

Jgħid li l-Papa għandu determinazzjoni li jwaqqaf linji gwida u politika li tipproteġi lit-tfal u l-persuni vulnerabbli li jkunu fdati f’idejn il-Knisja.