Lokali

F’Jum il-Ġimgħa l-Kbira Adrian Delia jkompli jżur diversi wirjiet

Kienu ħafna dawk li tul l-aħħar jiem żaru wirjiet diversi li ttelgħu b’rabta mal-Ġimgħa Mqadda.

F’jum il-Gimgħa l-Kbira, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kif għamel ukoll fil-ġranet li għaddew żar uħud minn dawn il-wirjiet fil-lokalitajiet ta’ Ħaż-Żabbar u l-Birgu.

Fost dawn, huwa żar wirja mtella’ mill-Każin tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Din il-wirja kienet ikkaratterizata minn diversi vari tradizzjonali, kif ukoll xogħol maħdum mis-smid, l-għaġin, ir-ross u x-xgħir.

Wirja oħra, li żar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kienet dik mtella’ mill-Każin tal-Banda ta’ San Mikiel. Din il-wirja hija waħda unika għaliex tinsab f’xelter tat-Tieni Gwerra Dinija u ila tittella’ għal dawn l-aħħar ħdax –il sena.

Adrian Delia żar ukoll diversi wirjiet privati fir-raħal ta’ Ħaż Żabbar li huma wkoll miftuħin għall-pubbliku.

Intant, huwa żar ukoll bosta wirjiet fil-lokalità tal-Birgu fosthom waħda fil-foss tal-Birgu u li għalhekk hija mtella’ f’xenarju reali u li jdaħħal lil dak li jkun f’atmosfera profonda ta’ dan il-jum.

Huwa żar ukoll eżibizzjoni mtella’ mill-Kunvent tad-Dumnikani ġewwa l-Birgu u oħra mtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Birgu.

Huwa kellu ċ-ċans iżur ukoll bosta wirjiet privati fil-Birgu li ta’ kull sena jiġu mtellgħin f’tant dedikazzjoni.

Id-dilettanti li b’passjoni kbira sena wara l-oħra itellgħu dawn l-eżibizzjonijiet.. dejjem jaraw kif se  jżidu u jtejbu l-wirjiet tagħhom fuq dawk tas-sena ta’ qabel, u li saħansitra, minn sena qabel ikunu diġa jafu kif ser iwettqu dan.

Għal dawn iż-żjarat, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista ingħaqdu wkoll kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.