Internazzjonali

L-Afrika t’Isfel: Imutu fil-kroll ta’ knisja

Mietu talanqas 13-il persuna, b’ħafna oħrajn jindarbu, meta ċediet għal fuqhom ħajt ta’ knisja Pentekostali fil-provinċja ta’ KwaZulu-Natal, viċin il-kosta.

It-traġedja seħħet waqt li kien qed jibda servizz reliġjuż tal-Għid, bis-servizzi għall-emerġenzi jwasslu għexieren ta’ midruba lejn l-isptar.

Ma kienx magħruf jekk uħud mill-midruba kenux f’periklu li jitilfu ħajjithom b’konsegwenza tal-kroll.

Il-knisja tinsab fiz-zona ta’ Dlangubo ta’ eMpangeni u l-uffiċjali qalu li t-traġedja kienet dovuta għall-inżul tax-xita qawwija, fost il-maltempati bir-riħ qawwi li laqtu l-inħawi fl-aħħar ġranet.

Intant, ir-rapporti qalu li l-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, kien żar din il-knisja s-sena l-oħra u li numru ta’ devoti, dakinar, kienu talbuh l-għajnuna għall-bini ta’ knisja ġdida.

Numru ta’ uffiċjali tal-Gvern, fl-aħħar sigħat, marru fuq is-sit fejn seħħ il-kroll fatali, bl-inċident qed ikun investigat.