Lokali

Tiġġarraf ukoll it-tieqa naturali ġdida f’Għar Ħanex

Fl-aħħar sigħat komplew jaqgħu partijiet mill-irdum fiż-żona magħrufa bħala Għar Ħanex, u li tagħmel mal-Qrendi.

Wara li l-Ġimgħa wara nofsinhar waqgħet parti kbira mill-wiċċ tal-irdum, bil-konsegwenza li nħolqot tieqa naturali ġdida, fl-aħħar sigħat iġġarrfet din ukoll.

Fortunatament ħadd ma nzerta fl-inħawi fl-ebda minn dawn iż-żewġ episodji biex b’hekk kienet evitata traġedja.

Sadattant, s’issa għadha hemm it-tieqa naturali oħra li kien hemm diġà u li hi magħrufa bħala Ras il-Miġnuna. Din it-tieqa hi popolari b’mod speċjali għal sport relatat mal-ilma, bħal kayaking.

L-irdum ta’ Għar Ħanex hu magħruf għall-veduti spettakolari li joffri, tant li huma ħafna dawk li jikkunsidraw dawn l-inħawi bħala fost l-isbaħ fil-gżejjer Maltin.

Dan il-filmat juri kif kienet it-tieqa li nħolqot il-Ġimgħa, iżda li ġġarrfet ftit wara:

Ritratt: JP Muscat