Aktar impjiegi għal dawk qrib il-Gvern Soċjalista.
Dan hekk kif l-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri nħatret bħala chairperson tal-bord tal-appell tal-Att dwar il-Foster Care. B’hekk dan hu l-iktar impjieg riċenti mal-Gvern fost il-ħafna li ngħataw lil Schembri fl-aħħar snin.
Din il-ħatra l-ġdida tħabbret fuq il-Gazzetta tal-Gvern biex b’hekk l-eks Segretarju Parlamentari reponsabbli mill-Ippjanar Deborah Schembri ħadet post Ramona Frendo. Hi nħatret mill-Ministru Michael Falzon f’din il-pożizzjoni li mistennija tokkupa għat-tliet snin li ġejjin.
Michael Falzon hu l-istess ministru li Schembri kienet ħaditlu postu lura fl-2016 wara l-iskandlu tal-proprjetà fi Strada Zekka, fejn kien inkixef li Mark Gaffarena ngħata propjetà fil-Belt għal prezz baxx ħafna.
Fl-aħħar sena u nofs, wara li falliet milli terġa’ takkwista siġġu fil-Parlament fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, Deborah Schembri ngħatat sensiela ta’ pożizzjonijiet mal-Gvern għal salarju li jlaħħaq ‘il fuq minn €160,000 fis-sena – fosthom grazzi wkoll għal direct orders.
Fost oħrajn hija ġiet appuntata konsulent legali kemm tal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll tal-Awtorità tal-Artijiet, ħadet numru ta’ kuntratti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru marbuta ma’ Identity Malta kif ukoll intagħżlet bħala uffiċjal tad-data protection b’kuntratt ta’ tliet snin.
Fl-istess waqt hi wkoll konsulent legali tal-Gvern Soċjalista, f’pożizzjoni mogħtija lilha fuq bażi ta’ Person of Trust. Pożizzjoni li ngħatatilha ftit ġimgħat wara l-elezzjoni tal-2017 fejn kienet iddawwar aktar minn €60,600 fost oħrajn f’konċessjoni talli tuża l-vettura personali tagħha u tas-servizzi li tati lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan ifisser li l-eks Ministru Soċjalista bdiet taqla’ mat-€3,000 fil-ġimgħa.
Deborah Schembri hi l-istess l-persuna li f’inqas minn 24 siegħa wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fuq stazzjon televiżiv tat x’tifhem li jekk il-ġurnalisti ma jigdmux ilsienhom ikunu qed jistiednu li tiġrilhom xi ħaġa bħal ma’ ġratilha Caruana Galizia.
Fl-aħħar xhur, Deborah Schembri flimkien ma’ Robert Musumeci ħolqu partership legali fejn fost oħrajn jirriżulta li se jkunu qed joffru servizzi legali anke lill-awtoritajiet tal-Gvern.
//= $special ?>
