Futbol Sport

FILMAT: Valletta b’ċans li jersqu pass ieħor lejn ir-rebħ tal-kampjonat illum

(Ritratt: Trevor Sollars)

It-telfa li sofrew Hibernians it-Tnejn li għadda kontra Qormi, reġgħet poġġiet lil Valletta fil-quċċata u b’ċans akbar li jirbħu l-25 kampjonat fl-istorja tagħhom. Illum huma jilagħbu kontra Tarxien Rainbows u b’rebħa jkun jonqos biss li jirbħu l-aħħar logħba, sakemm Hibernians ma jirbħux it-Tnejn li ġej.

Fl-aħħar logħba kontra St. Andrews, Valletta kienu konfużi fil-logħob fl-ewwel taqsima iżda malli skorjaw fil-bidu tat-tieni taqsima kkontrollaw mingħajr problemi, f’dik li kienet l-ewwel logħba ta’ Gilbert Agius fit-tmexxija wara r-riżenja ta’ Danilo Doncic.

Tarxien huma aċċertati minn post fil-kampjonat staġun ieħor wara r-rebħa kontra Pietà Hotspurs fl-aħħar logħba. Għal din il-logħba se jkunu mingħajr problemi iżda jridu jevitaw dak li ġralhom fl-ewwel rawnd meta kienu ddominati u umiljati minn Valletta b’telfa ta’ 7-0.

Balzan v Sliema W.

Konfront li hu meqjus l-aħjar wieħed tal-ġimgħa hu bejn Balzan u Sliema Wanderers, żewġ timijiet li qed jissieltu għal post fl-Ewropa. Balzan ġejjin minn draw kontra Ħamrun Spartans fl-aħħar logħba, iżda Sliema ma ħadux vantaġġ mid-draw kontra Senglea Athletic.

Fl-aħħar ħames logħbiet, Balzan mhumiex megħluba b’żewġ rebħiet u tliet draws, iżda t-telf ta’ sitt punti f’dawn il-logħbiet jistgħu jkunu kruċjali. Fatt pożittiv għalihom żgur li hi d-difiża hekk kif sofrew gowl biss iżda qed isibuha diffiċli biex jiskorjaw b’erba’ gowls biss skorjati f’dawn il-logħbiet. Sliema naqqsu ftit ir-ritmu pożittiv li kellhom u fl-aħħar erba’ logħbiet kisbu ħames punti b’rebħa missielta fuq Qormi, draws kontra Hibernians u Senglea u telfa kontra Birkirkara.

Fl-ewwel rawnd kienu Balzan li ħarġu rebbieħa 3-1 iżda minn dakinhar iż-żewġ timijiet bidlu l-kowċis tagħhom. Għalhekk inbidel ukoll ftit l-istil ta’ logħob u l-perspettiva kif jaħsbuha Stefano Maccoppi għal Sliema u Jacques Scerri għal Balzan.

Pietà H. v Ħamrun S.

Possibbilment dan hu l-aħħar ċans ta’ Pietà Hotspurs biex jibqgħu jittamaw li jsalvaw posthom mal-kbar. Wara 12-il telfa konsekuttiva, Pietà rebħu konfront dirett kontra St. Andrews iżda fl-aħħar logħba sfaw megħluba minn Tarxien minkejja li lagħbu kważi logħba sħiħa kontra Tarxien Rainbows.

L-avversarju tagħhom mhux ideali hekk kif Ħamrun Spartans qed jissieltu għal post fl-Ewropa. Għalkemm kellhom staġun pożittiv, issa li waslu s’hawn, ikun ta’ diżappunt jekk il-Ħamruniżi ma jilħqux it-tragward.

Din il-mira jista’ jkun li qed toħloq ftit pressjoni fuq it-tim hekk kif minkejja li ilhom bla telfa xahar u nofs, tilfu sitt punti mill-aħħar ħames logħbiet. Fl-ewwel rawnd, Ħamrun kienu ħarġu rebbieħa 3-2.

Mosta v Gżira U.

Mosta u Gżira United se jilagħbu l-aħħar żewġ logħbiet mingħajr pressjoni wara li laħqu l-għanijiet tagħhom. Mosta salvaw posthom mal-kbar staġun ieħor u evitaw ukoll il-play-off, bit-tmexxija ta’ Mark Miller tħalli l-frott mixtieq. Il-kowċ Ingliż jista’ juża dawn iż-żewġ logħbiet biex iħejji għall-impenn fl-FA Trophy kontra Birkirkara kif ukoll għall-istaġun li ġej.

Gżira kisbu rebħa kontra Floriana fl-aħħar logħba u aċċertaw posthom fl-Europa League għat-tieni staġun konsekuttiv wara d-draw ta’ Sliema. Matematikament għadhom b’ċans li jirbħu l-kampjonat iżda realistikament hi kważi impossibbli. Il-kowċ Jesmond Zerafa wkoll jista’ juża dawn il-logħob biex jesperimenta għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy li issa hi l-mira tal-klabb.

Logħob li jmiss

Illum: Stadium Nazzjonali:Mosta v Gżira United 4.00pm , Valletta v Tarxien Rainbows 6.00pm ,Hibernians Stadium:Pietà Hotspurs v Ħamrun Spartans 4.00pm , Balzan v Sliema Wanderers 6.00pm

It-Tnejn: Stadium Nazzjonali:Floriana v St. Andrews 6.00pm , Senglea Athletic v Hibernians 8.00pm ,Hibernians Stadium: Qormi v Birkirkara 7.00pm