Sport Sport Ieħor

Fognini fil-finali tal-Masters ta’ Monte Carlo wara li elimina lil Nadal

(Ritratt: EPA)

Fabio Fognini ħoloq sorpriża meta elimina lil Rafael Nadal 6-4, 6-2 biex fil-finali tal-lum jilgħab kontra Dusan Lajovic. Fognin li għeleb lis-sid numru tlieta Alexander Zverev u lit-tennist ta’ 22 sena Borna Coric biex wasal sas-semifinali, temm is-sensiela ta’ 25 set konsekuttiv mirbuħ u għadda għall-ewwel finali tiegħu tal-Masters 1000.

Din kienet ir-raba’ rebħa fil-karriera ta’ Fognin fuq Nadal fi 15-il konfront, bi tlieta minnhom fuq it-tafal. It-Taljan ta’ 31 sena ngħaqad ma’ grupp żgħir ta’ tennisti li għelbu lil Nadal fuq il-wiċċ favorit tiegħu tliet darbiet. Wara l-logħba, Nadal qal li din kienet waħda mill-agħar logħbiet tiegħu f’14-il sena u żied li hu diffiċli biex isib spjega.

Lajovic għadda għall-finali wara li rebaħ 12 mill-aħħar 13-il logħba biex għeleb lir-Russu Daniil Medvedev 7-5, 6-1. Lajovic kien 3-0 minn taħt fl-ewwel set qabel iddomina. Wara li rebaħ l-ewwel set, Lajovic mar malajr 4-0 minn fuq fit-tieni set u rebaħ mat-tieni match point li kellu.