L-attakkant żagħżugħ ta’ Manchester City Phil Foden, skorja l-ewwel gowl tal-karriera tiegħu fil-Premier League li kien biżżejjed biex jagħti tliet punti importanti lis-Citizens mill-konfront ma’ Tottenham Hotspur fl-Etihad Stadium. L-uniku gowl tal-logħba wasal wara biss ħames minuti meta ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena u li meqjus bħala talent mill-aktar promettenti, daħal għal kross ta’ Sergio Aguero u tar minn tulu biex b’daqqa ta’ ras għeleb għal kollox lill-gowlkiper Gazzaniga li kien qed jiddebutta minflok il-gowlkiper regolari Lloris.
B’hekk ukoll City taw l-aħjar tweġiba wara d-diżappunt enormi li sofrew ftit tal-jiem ilu meta sfaw eliminati kontra l-istess Tottenham fil-kwarti finali taċ-Champions League. Ir-rebħa tal-bieraħ intant iżżid il-pressjoni fuq Liverpool, li jinsabu punt biss wara City b’logħba aktar u li llum huma impenjati f’Wales kontra Cardiff. Tottenham kienu perikolużi tul il-logħba u fejn impenjaw severament lil Ederson, li salva tliet darbiet it-tentattivi insidjużi ta’ Heung-Min Son, minbarra li ċaħħad il-gowl tad-draw lil Christian Eriksen u Lucas Moura.
Brighton ħadu ftit tan-nifs meta żammew lil Wolves fi draw ta’ 0-0 f’Molineux, iżda l-Bluebirds xorta għadhom f’periklu serju tar-relegazzjoni meta jinsabu r-raba’ mill-aħħar u meta jonqos biss erba’ logħbiet għat-tmiem tal-kampjonat. Il-gowlkiper Matt Ryan joħroġ minn Molineux bħala l-eroj indiskutibbbli wara li ċaħħad lil Wolves b’sensiela ta’ saves fosthom tnejn mirakolużi fuq tentattivi ta’ Dendoncker. Ix-xorti wkoll kienet fuq in-naħa ta’ Brighton meta d-daqqa ta’ ras ta’ Diogo Jota ħabtet ma sieq il-lasta f’nofs it-tieni taqsima.
Minkejja li relegati, Fulham kisbu l-ewwel rebħa barra minn darhom f’dan l-istaġun meta ħarġu bit-tliet punti mill-konfront ma’ Bournemouth fil-Vitality Stadium. Min-naħa tagħhom iċ-Cherries li huma prattikament salvi, urew mill-ġdid l-inkonsistenza tagħhom, bl-uniku gowl tal-logħba jasal minn penalty fit-tieni taqsima li kien skorjat minn Aleksandar Mitrovic.
Tim ieħor relegat, Huddersfield, sofrew telfa oħra f’darhom, din id-darba kontra Watford, li jinsabu fis-seba’ post tal-Premier League u li x-xahar id-dieħel jilagħbu l-finali tal-FA Cup kontra Manchester City. L-attakkant Spanjol Gerard Deulofeu kompla bil-forma impressjonanti fejn skorja żewġ gowls (fil-5 u t-80 minuta), bit-Terriers jistennew sad-93 minuta biex jiksbu l-gowl tal-bandiera, mis-sostitut Karlan Grant.
Logħba mimlija azzjonijiet kienet dik bejn West Ham u Leicester fil-London Stadium li ntemmet 2-2. Michael Antonio (37) żblokka r-riżultat għall-Hammers, bil-Foxes iwieġbu b’xutt mill-ewwel ta’ Jamie Vardy f’nofs it-tieni taqsima. Imbagħad reġa’ kien imiss lil West Ham li marru minn fuq meta Obiang laqat il-lasta u Lucas Perez kien pront biex xeħet ġewwa – bl-istess plejer jerġa’ isib ix-xibka u bl-uffiċjali jħassru l-gowl li deher għal kollox validu. Leicester komplew jemmnu u fil-ħin miżjud, Tielemans sab lis-sostitut Harvey Barnes li għeleb lil Fabianski biex isalva punt għat-tim tiegħu.
Fl-aħħar logħba fil-programm, Newcastle United għelbu lil Southampton, 3-1, f’St James Park biex telgħu fit-12-il post tal-Premier League u b’vantaġġ ta’ għaxar punti fuq it-tielet tim mill-aħħar. Il-Geordies daħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju grazzi għal Ayoze Perez (27, 31) u għalkemm Southampton naqqsu d-distsakk minn Lemina wara siegħa logħob, il-kelma deċiżiva kienet ta’ Newcastle, b’Perez jgħaqqad it-tripletta b’daqqa ta’ ras preċiża fis-86 minuta.
Premier League
Man City v Tottenham 1-0 , Bourenmouth v Fulham 0-1 , Huddersfield v Watford 1-2 , West Ham v Leicester 2-2 , Wolves v Brighton 0-0 , Newcastle v Southampton 3-1 ,Għada: Everton v Manchester United 2.30pm , Arsenal v Crystal Palace 5.00pm , Cardiff v Liverpool 5.00pm ,It-Tnejn:Chelsea v Burnley 9.00pm
//= $special ?>